Rowen Camilleri
Is-sitt ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun qed toffrilna diversi logħbiet interessanti fosthom, żewġ derbies li se jintlagħbu l-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium, dik bejn Balzan u Birkirkara u warajha Sliema jiltaqgħu kontra l-ġirien Gżira. Madankollu l-aktar partita li qed jitkellmu fuqha d-dilettanti tal-futbol lokali hija dik bejn ir-rivali antiki Valletta u Ħamrun Spartans, li ser tintlagħab fit-Tony Bezzina Stadium illum fit-3pm.
Din il-ġimgħa mhux ser ikun hemm l-ebda logħob fl-Istadium Nazzjonali minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonati Ewropej tal-UEFA.
Valletta vs Ħamrun Spartans | Illum, fit-3pm fit-Tony Bezzina Stadium
Minkejja li għal dawn l-aħħar tliet snin, Ħamrun Spartans kienu superjuri għal Valletta f’dik li hi kwalità, il-konfront bejniethom it-tnejn xorta waħda baqa’ jkun mistenni u meta tasal din il-logħba d-dilettanti tal-futbol lokali kollha jkunu qed jitkellmu fuqha, b’uħud anke jġeddu memorji tat-tmeninijiet u d-disgħinijiet, meta dak iż-żmien dan il-konfront kien wieħed jaħraq u kien joffri spettakklu mill-isbaħ miż-żewġ settijiet ta’ partitarji.
Wara tliet riżultati negattivi, li raw anke l-bidla fil-kowċ, fid-debutt ta’ Enzo Potenza fuq il-bankina, Valletta kisbu rebħa ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk, tim li din is-sena kien għadu ma tilifx u saħansitra kiseb 10 punti minn tliet partiti. Bla dubju li l-konfront ta’ din il-ġimgħa se jkun aktar diffiċli kontra wieħed mill-favoriti għar-rebħ ta’ kull unur li joffri l-futbol Malti, li iżda fl-aħħar logħba waqqgħu l-ewwel punti tal-istaġun kontra n-neo promossi Sliema Wanderers, bil-mertu jkun kollu ta’ dawn tal-aħħar li kellhom wirja mill-aqwa. Bi Floriana, l-aktar tim viċin Ħamrun, fuq il-karta għandhom konfront faċli kontra Gudja, bla dubju li Ħamrun għandhom bżonn rebħa biex iżommu posthom fl-ewwel post. Madankollu Valletta żgur li se jkunu qed jagħmlu dak kollu possibli biex ma jagħmluhiex faċli għaċ-champions u jipprovaw jieħdu xi ħaġa minn din il-partita biex anke huma jkunu jistgħu jkomplu jħarsu lejn il-partiti li jmiss b’ottimiżmu.
L-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls l-istaġun li għadda.
Mosta vs Marsaxlokk | Illum, fis-6pm fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront bejn żewġ timijiet li kellhom eżitu differenti l-ġimgħa li għaddiet, b’Mosta jiksbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Birkirkara filwaqt li kif għedna Marsaxlokk sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun għas-spejjeż ta’ Valletta. Wara bidu kemmxejn difettuż, Mosta issa se jkunu qed jittamaw li din ir-rebħa terġa twitti t-triq għal aktar riżultati pożittivi biex kemm jista’ jkun jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika u jitbiegħdu miż-żona l-ħamra. Min-naħa l-oħra x-Xlukkajri jridu jinsew kemm jista jkun malajr it-telfa kontra Valletta biex ma jitilfux il-forma li kienu għaddejjin minnha fil-bidu tal-istaġun. Winston Muscat se jkollu nieqes mill-iskwadra lid-difensur laterali Jacob Walker li tkeċċa fl-aħħar minuti tal-konfront kontra Valletta.
Mosta rebħu l-aħħar konfront l-istaġun li għadda bl-iskor ta’ 2-1.
Naxxar Lions vs Hibernians | Illum, fil-5:30pm fis-Centenary Stadium
Hibernians fuq il-karta jista’ jkun li huma xi ftit favoriti kontra Naxxar Lions, iżda dawn tal-aħħar ġejjin minn tliet riżultati li tista’ ssejħilhom pożittivi fejn ġew darbtejn draw kontra Gżira u Floriana filwaqt li kisbu rebħa ta’ 4-0 fuq Santa Lucia. Dan ifisser li Naxxar, wara żewġ telfiet fl-ewwel żewġ ħarġiet tagħhom sabu saqajhom u qed jagħtu logħba lil kulħadd u għalhekk Hibernians irid ikollhom prestazzjoni aħjar milli kellhom fl-aħħar partita kontra Balzan biex jiżguraw minn tliet punti u jirritornaw għar-rebħ wara tliet telfiet infila. Żewġ plejers li qed jispikkaw fuq iż-żewġ naħat u li kienu akkwistati dan l-istaġun huma l-midfielder Grieg ta’ Hibenrians Giannis Bastianos u l-Ġappuniż ta’ Naxxar Takuma Yamaguchi.
L-aħħar darba li Naxxar u Hibenrians iltaqgħu kien fl-istaġun 2017/18 biż-żewġ logħbiet jispiċċaw f’parità.
Sirens vs Santa Lucia | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel partita tal-Ħadd, li se tkun qed tintlgħab fil-11am, jiltaqgħu l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, Sirens u Santa Lucia li għandhom biss punt kull wieħed u bħal Gudja għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa dan l-istaġun. It-tim minn San Pawl il-Baħar sofra telfa ta’ 1-0 kontra Gżira fl-aħħar partita u għalkemm wieħed seta’ jara titijieb fil-prestazzjoni tal-iskwadra mmexxija minn Steve D’Amato, il-punti xorta waħda ma waslux u Sirens sofrew ir-raba’ tefla minn ħames partiti. Min-naħa l-oħra Santa Lucia l-ġimgħa li għaddiet ġabru l-ewwel punt tagħhom fi draw ta’ 1-1 kontra Gudja United iżda s-sitwazzjoni tagħhom ftit li xejn tjiebet hekk kif is-Saints baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika.
L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kienu Sirens li ħarġu rebbieħa b’doppjetta ta’ Kei Sano.
Gudja United vs Floriana | Għada, fit-3pm fis-Centenary Stadium
Bħal Santa Lucia u Sirens, Gudja United huwa tim ieħor li qed jiddiżappunta, tant li minn ħames logħbiet għadu ma rebaħx waħda u jinsab fit-12-il post bi tliet punti. Kif għedna f’okkażjonijiet oħra, l-investiment fit-tim ta’ Gudja kien mill-inqas fejn kienu ftit l-akkwisti l-ġodda matul is-sajf u mill-bidu kien ċar li Jesmond Zammit se jkollu biċċa xogħol iebsa biex jikkonferma postu mal-kbar tal-futbol Malti. L-avversarji huma Floriana li minkejja li fl-aħħar konfront żelqu fi draw kontra Naxxar, bla dubju li se jkunu favoriti netti li jirbħu dan il-konfront. Floriana se jkunu qed joħorġu għal xejn anqas minn tliet punti biex jibqgħu fil-quċċata bit-tama li l-pressjoni tal-konfront li għandhom Ħamrun kontra r-rivali Valletta, issarraf f’telf ta’ punti għaċ-champions renjanti biex it-tim immexxi mill-eks plejer ta’ Juventus Mauro Camoranesi itemm is-sitt ġurntata tal-kampjonat waħdu fl-ewwel post. Biex aktar tkun diffiċli għal Gudja, dawn se jkollhom jilagħbu mingħajr wieħed mill-barranin tagħhom Marvin Perea li kontra Santa Lucia tkeċċa wara biss 18-il minuta.
L-aħħar konfront bejn Floriana u Santa Lucia spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Balzan vs Birkirkara | Għada, fit-3pm fit-Tony Bezzina Stadium
Wieħed miż-żewġ derbies ta’ għada huwa dak bejn Balzan u Birkirkara, partita li fl-aħħar snin dejjem kienet waħda missielta fejn filfatt fl-aħħar żewġ logħbiet ta’ bejniethom dawn iż-żewġ timijiet kisbu rebħa identika kull wieħed ta’ 2-1. Il-Ħadd li għadda Balzan kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Hibernians, rebħa li għalkemm ma jnaqqas xejn mill-mertu tat-tim ta’ Oliver Spiteri, determinanti kienet bla dubju l-wirja spettakolari tal-goalkeeper Serb ta’ Balzan Danilo Golovic li kien ukoll ivvutat il-plejer tal-logħba. Rebħa għal Balzan tista tfisser li jitilgħu fit-tielet post filwaqt li Birkirkara għandhom bżonn tliet punti biex ma jinżlux aktar l-isfel fil-klassifika hekk kif bħalissa jinsabu fis-sitt post. Birkirkara fl-aħħar logħba sofrew it-tieni telfa tal-istaġun, din id-darba kontra Mosta b’wirja deludenti li żgur li ma jistgħux jirrepetu jekk iridu jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront iebes.
Sliema Wanderers vs Gżira United | Għada, fil-5pm fit-Tony Bezzina Stadium
It-tieni derby tal-ġurnata u l-aħħar logħba mis-sitt ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik bejn Ġżira United u Sliema Wanderers , li t-tnejn jinsabu b’7 punti daqs Birkirkara f’nofs il-klassifika. S’issa Sliema kellhom wirjiet tajbin speċjalment fl-aħħar partita kontra Ħamrun Spartans fejn f’mumenti minnhom setgħu anke jirbħu dan il-konfront biex fl-aħħar mill-aħħar kisbu punt prestiġjuż fi draw ta’ 1-1 kontra wieħed mill-aqwa timijiet f’pajjiżna. Il-forte tal-Blues huwa l-kollettiv iżda għalihom qed jispikkaw plejers bħal goalkeeper Rashed Al-Tumi, Joseph Minala u Geoffrey Acheampong, li kontra Ħamrun daħal bħala sostitut u skorja l-gowl tad-draw. Acheampong mhux se jkun disponnibli għal Paul Zammit hekk kif jinsab sospiż wara li dabbar ir-raba’ karta safra. Gżira min-naħa l-oħra donnhom qed isibu sieqhom wara bidu daqxejn diffiċli fejn fl-aħħar żewġ logħbiet kisbu punti massimi kontra Gudja u Sirens rispettivament. Darren Abdilla se jkollu wieħed mill-aħjar plejers tiegħu nieqes hekk kif Thiago Espindola għaqqad erba’ karti sofor u għaldaqstant se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ partita. Meta wieħed jikkonsidra li t-timijiet ta’ fuqhom kollha għandhom logħbiet iebsin, rebħa għal Sliema jew Gżira tista tfisser li javvanzaw fil-klassifika saħansitra anke sar-raba’ post.
L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kien fl-istaġun 2021/22 bil-Maroons joħorġu rebbieħa 3-1.
//= $special ?>