Lokali

Traġedja oħra fit-toroq Maltin: Żagħżugħ Daniż imut wara li ntlaqat minn karozza fid-daħla tal-mini ta’ San Ġiljan

Tmiem il-ġimgħa immarkat minn traġedja oħra fit-toroq Maltin, bil-vittma din id-darba jkun żagħżugħ barrani li ittajjar waqt li kien miexi lejn il-mini ta’ San Ġiljan.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2:30am, bil-vittma jiġi identifikat bħala Daniż ta’ 25 sena.

Stqarrija tal-Pulizija kkonfermat li l-barrani intlaqat minn vettura Honda Accord, ta’ lewn griż, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 44 sena, residenti l-Mosta.

Fil-post issejjaħ tim mediku sabiex jassistu, iżda sfortunatament id-Daniż kien iċċertifikat mejjet. U l-katavru ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz tal-hearse tal-Pulizija.

Sorsi ta’ Net News ikkonfermaw li l-katavru, mad-daqqa, spiċċa f’nofs tat-triq – eżatt fid-daħla tal-mini. Bil-vittma jidher li miet kaġun tal-ġrieħi serji li sofra f’rasu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Gatt ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Għal xi ħin, it-triq fid-direzzjoni lejn il-Kappara kellha tingħalaq minħabba l-istess inkjesta.