Sport Waterpolo

Bidu feliċi għal Sliema u Neptunes fil-ftuħ tal-Enemed Cup

(Ritratt: Joseph Galea)

Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT…….. 13

EXILES WELBEE’S………….. 7

(3-0), (3-1), (3-2), (4-4)

L-era ta’ George Gregory bħala President ta’ Sliema Frank Salt bdiet fuq nota pożittiva b’rebħa netta fuq Exiles Welbee’s, logħba li fetħet is-seba’ edizzjoni tal-Enemed Cup.

Il-formazzjoni ta’ Sliema kienet pjuttost mibdula, bin-nuqqas tal-plejers lokali Jamie Gambin, Zach Mizzi, Jayden Cutajar, Matthew Mifsud filwaqt li rtira Jerome Gabarretta. Exiles taħt it-tmexxija ta’ Niki Lanzon kellhom lil Keith Tanti li għamel id-debutt filwaqt li rritorna mal-klabb il-veteran David Pace Lupi wara diversi snin.

Sliema kienu konsistenti fil-logħob tagħhom u filwaqt li qatt ma tilfu l-vantaġġ, ftit taw spazju lil Exiles biex jesprimu l-aħjar logħob tagħhom. Spikka Dino Zammit b’erba’ gowls minn sitta li skorjaw Sliema fl-ewwel żewġ sessjonijiet.

Id-distakk ta’ sitt gowls kien ħafna għal Exiles biex jirkupraw tant li l-ewwel gowl skorjawh fl-aħħar azzjoni tagħhom fit-tieni sessjoni. Il-vantaġġ ta’ Sliema kiber għal 9-1 fit-tielet sessjoni sakemm doppjetta ta’ Kurt Griscti naqqset id-distakk. Fl-aħħar sessjoni Exiles wieġbu erba’ darbiet wara l-gowls tal-avversarji u setgħu biss jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli.

Sliema: N. Grixti, V. Figliomeni (1), L. Galea (1), D. Rizzo, J. Cassar (3), B. Cachia (1), T. Camilleri, T. Fenech, J. Brownrigg (2), J. Chircop (1), G. Gatt, D. Zammit (4), A. Bugeja, J. Sciberras, C.J. Saliba

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, D. Pace Lupi (2), M. Martellacci (1), M. Paris Roding, M. Fenech (1), K. Griscti (2), L. Pursehouse, K. Tanti, N. Saliba (1), F. Buhagiar

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri

NEPTUNES VIDEOSLOTS………. 11

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……….. 2

(3-0), (1-0), (2-1), (5-1)

Bidu pożittiv ukoll għal Neptunes Videoslots. F’logħba pjuttost kwieta u nieqsa mill-emozzjonijiet, Neptunes ikkontrollaw mingħajr diffikultà kontra tim ta’ Birżebbuġa Freeport miżgħud bi plejers żgħażagħ mingħajr esperjenza.

Gowls ta’ Enrico Mallia, Sam Gialanze u Jordan Camilleri taw vantaġġ ta’ tliet gowls lil Neptunes fl-ewwel sessjoni, liema vantaġġ żdied għal 4-0 bl-uniku gowl fit-tieni sessjoni skorjat minn Ryan Galea.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess anki fit-tielet u r-raba’ sessjoni. Il-veteran Neil Cassar naqqas id-distakk bl-ewwel gowl tat-tim tiegħu fil-logħba, b’Gialanze u Gabriel Pace żiedu l-vantaġġ ta’ Neptunes.

Is-centre Jake Bajada għamilhom 8-1 fl-aħħar sessjoni b’doppjetta flimkien ma’ gowl ta’ Julian Valletta. Miguel Curmi skorja għal Birżebbuġa minn man-up, b’Enrico Mallia u Mark Castillo jissiġillaw ir-rebħa lejn it-tmiem.

Neptunes: A. Borg Cole, L. Mallia, S. Gialanze (2), G. Pace (1), M. Zammit, R. Spiteri, M. Castillo (1), J. Camilleri (1), R. Galea (1), J. Bajada (2), J. Valletta (1), E. Mallia (2), M. Farrugia, M. Lanzon, J. Borg Tabone

Birżebbuġa: M. Sladden, S. Bezzina, N. Cassar (1), M. Cassar, N. Fenech, M. Manara, W. Mizzi, I. Galea, D. Farrugia, M. Cutajar, G. Mannino, M. Curmi (1), S. Livori, J. Abdilla, N. Chlach

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Il-Ħadd 5 ta’ Novembru

San Ġiljan v Exiles          9.00am

Valletta v Birżebbuġa       10.10am

Sirens v Neptunes            11.20am