Lokali

“Il-verità tirbaħ dejjem” – Bernard Grech

“Jekk fi tlett ijiem il-Kummissarju tal-Pulizija ma jwettaqx dmiru se mmorru l-Qorti”

“Aħna nitkellmu l-fatti għaliex il-verità, il-fatti, l-integrità u l-onestà huma l-aqwa arma li għandu l-poplu Malti u Għawdxi..u l-unika mezz biex jiprovaw jikkontrollaw il-verita hija billi jikkontrollaw bil-propoganda tax-xandir tal-Istat, billi l-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ b’idejh marbutin u billi l-Avukat Ġenerali tibqa’ absent in action.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd tard waranofsinhar fi Pjazza Kastilja hekk kif indirizza l-protesta f’appell sabiex il-Gvern jirritorna lura l-€400,000,000 li ta lil Vitals u Steward f’kuntratti frawdolenti minn but il-poplu.

Bernard Grech saħaq li ma jistax illum l-Ministru Chris Fearne jgħidilna li kollox sar minn wara dahru meta kien hu li qal lill-poplu Malti u Għawdxi li l-ftehim ta’ Steward kien ir-right deal.

Dan filwaqt li insista li Robert Abela nnifsu kien il-konsulent legali tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat u huwa proprju l-kontinwità nfisha ta’ Muscat…hekk kif meta ħa s-siġġu tal-predeċessur tiegħu kompla jagħti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’kuntratti frawdolenti.

Bernard Grech insista li l-verità tirbaħ, “Jgħaddu ġimgħat, xhur jew snin…imma din dejjem tirbaħ”

Huwa insista li filli qalu li mhux veru li tawhom €400miljun, filli li kienu inklużi l-pagi, filli saħqu li l-ammont kien inqas – iżda l-fatti juru mod ieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa lill-Gvern kif jistgħu jisirqu lill-vulnerabbli, kif jistgħu jisirqu minn but il-poplu.

Huwa insista li l-Awditur Ġenerali spjega li bejn l-2016 u l-2021 apparti l-€400,000,000 il-pagi kienu esklużi – il-€230,000,000 kienu apparti dawn il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li l-poplu qed jinsisti u jappellah bi dritt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li kieku d-Deputat Adrian Delia, flimkien mal-bqija tal-Partit ma ssilitx għalihom kieku l-pajjiż għadu qed isofri.

Bernard Grech insista li b’€400,000,000 investiti sew is-settur tas-saħħa ċertament li seta’ jitjieb iżda fl-aħħar 10 snin kollox mar lura bi sptar li mhux ilaħħaq maż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni, bi sptar li jinsab għarkupptejh.

Huwa sostna li huwa biss il-Partit Nazzjonalista biss li sab l-interess tal-pajjiż bil-Gvern tal-Labour jisraq lil min huwa verament fil-bżonn; dawk li jridu jixtru l-mediċina, li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni.

U minkejja dan kollu…s’issa l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jibqa’ ma jiħux azzjoni…bħal ta’ qablu.

“Jekk fi 3 ijiem mhux ħa tieħu azzjoni aħna se nkunu qed infittxuk bil-Qorti – il-Kummissarju tal-Pulizija jrid jagħmel xogħlu”

Dan filwaqt li tkellem ukoll dwar l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li l-Qorti wkoll sabitha ħatja li minflok ġabet l-interessi tal-poplu l-ewwel, ġabet l-interessi ta’ Vitals u Steward l-ewwel.

Finalment huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi, parti mill-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn u spalla ma’ spalla se tinħoloq għada aħjar għal uliedna u ulied uliedna.