Lokali

“Ftakar li kont int [Gvern Laburista] li lil Malta għerrejtha, dgħajjiftha u żvinajtha” – Josef Vella

Waqt diskors li għamel il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella waqt il-protesta nazzjonali huwa qal li l-Gvern Laburista għamel ħafna wegħdiet iżda minflok daħaq bil-poplu Malti u Għawdxi.

Josef Vella qal biex wieħed jimmaġina pajjiżna x’seta’ għamel b’€400 miljun li nsterqu mill-barranin minħabba l-azzjonijiet tal-Gvern Laburista, bl-istess flus seta’ saħansitra nbena Mater Dei ieħor.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM kompla li l-Gvern m’għandux ir-rieda politika li jreġġa’ lura l-“froġa li għamel hu stess”.

Huwa appella biex il-Gvern ta’ Abela jieqaf jisraq il-flus minn ħalq uliedna; Gvern li ġabna f’sitwazzjoni tal-biki, bil-korruzzjoni ġiet bħall-ordni tal-ġurnata.

Kien hawnhekk fejn għalaq id-diskors billi għadda messaġġ dirett lill-Gvern Laburista biex isaħħaħ lil Malta billi ma jibqax jitratta lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ Ġaħan u jħalli lis-saltna tad-dritt taħdem kif suppost.