Eluf ta’ nies f’Gaza daħlu bil-forza fid-depots tal-għajnuna biex jaħtfu l-affarijiet meħtieġa li ilhom neqsin minnhom għall-ġranet – u bl-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigata bl-Għajnuna għar-refuġjati Palestinjani (UNRWA) qed tinkwieta dwar sinjali li r-residenti f’Gaza, fid-disprament tagħhom, mhumiex jirrispettaw aktar il-ħtieġa għall-ordni pubblika.
Il-Palestinjani f’Gaza ħatfu provvisti tat-tqiq u affarijiet oħra wara ‘l-attakki’ fuq diversi mħażen u ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fiċ-ċentru u n-nofsinar tat-territorju.
Dan waqt li wħud li tilfu djarhom fil-bumbardamenti u li kellmu lill-media barranija sostnew li ma kenux se jaslu sa hawn li kieku ma kenux daqshekk iddisprati — u meta uliedhom ċkejknin ma jistgħux jorqdu minżabba li ilhom ħafna jbatu l-ġuh u l-għatx.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-fergħa Palestinjana tas-Salib l-Aħmar qalet li l-awtoritajiet Iżraeljani infurmawha li kellha tevakwa l-isptar ta’ Al-Quds fit-Tramuntana ta’ Gaza minħabba lil-faċilità, issa, spiċċat fiz-zona tal-kumbattimenti mal-Ħamas.
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mill-Ħamas, qal, sadanittant, li mis-7 ta’ Ottubru ‘;il hawn inqatlu ‘il fuq minn 8,000 fost l-attakki ta’ tpattija mill-Iżraeljani fuq dan it-territorju,.
Il-Palestinjani f’Gaza qed ikomplu jappċllaw lill-komunità internazzjonali biex tgħinhom f’dan il-kalvarju u fejn fl-aħħar sigħat kien hemm xaqq ta’ dawl meta l-linji telefoniċi u tal-Internet kienu, parzjalment restawrati għall-poplu ta’ Gaza wara aktar minn jum ta’ blackout totali mill-aspett ta’ konnettività.
//= $special ?>