“It-triq li se nimxu aħna se tkun tista’ tibda miexi ‘l quddiem, f’dan il-pajjiż se jkollok ħajja aħjar.”
Kienet din il-wiegħda li saret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt il-programm Analiżi ppreżentat minn Julian Borg fejn kien qed jitkellem dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista meta hu jkun qed imexxi lil pajjiżna.
“Illum tħoss li ma tistax tgħix u tħoss ukoll li l-Gvern ta’ Abela mhux qed jgħinek u mhu jagħmel xejn,” qal Bernard Grech.
Dwar survey illi ġie ppreżentat mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u li tefa’ dawl fuq ir-realtajiet ta’ pajjiżna, u l-kwistjonijiet serji li ġab il-Gvern fuqu stess, Bernard Grech qal li dan qed iwassal għal riskju kbir fuq pajjiżna.
“Taf xi tfisser li n-negozji ma jħossux li l-pajjiż mhux sejjer fid-direzzjoni t-tajba? Tfisser li mhux se jibqgħu jinvestu għax ma jafdawx li se jkun ta’ suċċess,” qal Bernard Grech.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Bernard Grech qal li se jkun qed jassigura li ħadd ma jibqa’ jbati f’pajjiżna minħabba l-għoli tal-ħajja.
“Permezz ta’ fond se nkunu qed ngħinu bla ma ħadd jabbuża – il-ħajja ma tibqax tgħola u ngħinu lil min hu fil-bżonn,” qal Bernard Grech. “Ninsistu li l-COLA ma tkunx intaxxata u l-employer ngħinuh ukoll.”
Kien hawnhekk fejn Bernard Grech qal li hemm bżonn bidla importanti f’pajjiżna għal pjan ekonomiku differenti.
“Il-viżjoni tagħna torbot mal-integrità, tkun taf fejn qiegħed mal-Prim Ministru li jmexxik u ma jidħaqx bik,” qal Bernard Grech.
//= $special ?>