Internazzjonali

Iżrael: Il-gwerra mal-Ħamas issir aktar intensiva, bit-truppi determinati li jivvendikaw il-vittmi tas-7 ta’ Ottubru

Il-qawwiet ta’ Iżrael qed jintensifikaw it-tieni fażi tal-gwerra kontra t-terroristi tal-Ħamas, bil-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu iwissi li din se tkun gwerra twila u diffiċli u li Iżrael qed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu.

L-offensiva kbira fuq il-Ħamas – li ilha mistennija għal jiem wara mewġa wara mewġa ta’ attakki u bumbardamenti fuq il-Medda ta’ Gaza – qed issir waqt li l-Armata Iżraeljana qed tagħti priorità kbira lit-tfittxija għall-għexieren tal-ostaġġi li nħatfu meta t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru, infiltraw il-komunitajiet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera fejn ħatfu lin-nies kollha li setgħu minbarra li massakraw talanqas 1,400, inklużi familji sħaħ.

L-ostaġġi qed jinżammu f’labirint ta’ mini taħt l-art u kelliema għall-Armata Iżraeljana tennew li huma lesti biex iħabbtu wiċċhom ma’ ‘ostakli terribbli’ waqt l-offensiva anki jekk jinsabu preparati għal ‘kull eventwalità’.

Dan meta l-familji tal-ostaġġi huma inkwetati dwar kif l-offensiva mill-art tal-Iżraeljani għandha taffettwa lill-ostaġġi – u meta fl-aħħar sigħat huma ltaqgħu mal-President ta’Iżrael, Isaac Herzog, biex jiddiskutu s-sigurtà tal-istess ostaġġi waqt l-azzjonijiet militari,.

Is-sens ta’ tpattija fost il-militar Iżraeljan huwa qawwi u kontinwu u s-suldati żgħażagħ li kienu intervistati qabel il-fażi ġdida tal-gwerra kollha ħalfu li t-terroristi jridu jħallsu l-prezz dovut għall-atroċitajiet ta’ ġimgħat ilu fuq in-nies innoċenti.

Fl-inkursjonijiet ta’ Gaza qed tispikka t-taqsima elit tal-Armata magħrufa bħala l-Brigata Golani…Entità militari li kienet iffurmata fl-1948 u li tul is-snin iġġieldet f’kull gwerra li kienet tinvolvi lil Iżrael.

Fl-aħħar sigħat ukoll, kien hemm il-moviment kontinwu ta’ truppi, tankijiet tal-gwerra u vetturi militari fi triqthom lejn Gaza – b’Iżrael qed jaħseb ukoll fi front tal-gwerra ieħor li qed jiżviluppa mal-militanti Lebaniżi tal-grupp Ħeżbollah…Fanatiċi sponsjorjati mill-Iran u li, l-istess bħal dan l-Istat fundamentalista, hu dedikat għall-qerda ta’ Iżrael.

Intant, l-ajruplani tal-gwerra komplew jibbumbardjaw lis-siti ta’ Gaza indikati bħala moħbiet tat-terroristi u meta tal-Ħamas qed jużaw l-infrastruttura ċivili bħala ‘tarka’ bil-ħsieb li jimminimizzaw il-feroċità tal-attakki mill-fighter-bombers ta’ Iżrael. Mifhum li l-ajruplani laqtu talanqas 450 mira tal-Ħamas fi spazju ta’ 24 siegħa – bir-rejds tal-ajru fuq Gaza ilhom għaddejjin mis-7 ta’ Ottubru,

Dan meta rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li l-Ħamas anki għandhom bażi u network ta’ mini taħt l-art ta’ sptar fejn kull siegħa qed jiddaħħlu l-għexieren taċ-ċivili midruba fost xeni ta’ qerda kważi apokalitiċi. Numru ta’ osservaturi barranin qalu li dan l-aġir tal-Ħamas, jekk ikkonfermat, ikompli jenfasizza n-nuqqas ta’ rispett għall-ħajja mit-terroristi li lesti biex ‘jissagrifikaw kollox u kulħadd’ biex jilħqu l-miri tagħhom.