Minkejja li l-Gvern tal-Labour ma huwa qed jikontribwixxi assolutament xejn fiż-żieda fil-paga minima, għal darb’oħra l-Mexxej Laburista Robert Abela qed ipinġi din iż-żieda bħala grazzja mill-Gvern lejn il-ħaddiem.
Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu f’Ħaż-Żabbar, Abela insista li huwa Gvern Laburista li se jkun qiegħed iżid il-paga minima.
Minkejja dan kollu fil-jiem li għaddew kien il-Ministru tal-Finanzi nnifsu Clyde Caruana li insista li l-Gvern ma huwa se jkun qed jagħti l-ebda kontribut f’din iż-żieda u se jkollhom jagħmlu tajjeb għal din iż-żieda biss…min iħaddem – bħal ma spjega ma’ Net News aktar kmieni din il-ġimgħa il-President tal-MEA Joseph Farrugia.
Matul id-diskors tal-Ħadd filgħodu, mifni b’attakki partiġġjani wieħed wara l-ieħor, konvenjentament Robert Abela assolutament injora s-sentenza tal-Qorti tal-Appell fejn sabet lill-Gvern Laburista ħati ta’ kollużjoni ma’ ta’ Vitals u Steward b’rabta mal-kuntratti frawdolenti tat-tlett sptarijiet.
Għażel li jinjora għal kollox il-fatt li issa l-poplu Malti u Għawdxi qed jitlob lura bi dritt l-€400,000,000 mgħotija mill-Gvern lil dawn il-kumpaniji minn but il-poplu f’kuntratti frawdolenti.
Minkejja dan kollu – Robert Abela għadu qed jinsisiti li għandu l-fiduċja tal-poplu.
Iżda r-realtà hija li Abela tradixxa l-fiduċja ta’ dawk li eleġġewh meta iswed fuq l-abjad il-Qorti insistiet li min kien suppost jara l-interessi tal-pajjiż…naqas għal kollox milli jagħmel dan.
Robert Abela għażel li jinjora wkoll li jindirizza d-domanda jekk hux se jkun qiegħed jaqta’ t-taxxa minn fuq l-għajnuna mekkanizzata tal-COLA.
Għażel ukoll li jinjora kif se jkun qiegħed jindirizza l-problema li ħoloq huwa stess biż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni; ebda soluzzjoni kif se jsolvi l-isfida tat-traffiku, tal-iskart, l-iżdingar, l-isfidi fis-settur tas-saħħa – ebda kelma mlissna dwar l-isptar ġdid f’Għawdex, l-isptar ġdid għal kura psikjatrika, il-binja ġdida tal-outpatients.
Injora għal kollox il-fatt li l-imsieħba soċjali qed jappellawlu biex jibda jbiddel il-mudell ekonomiku għaliex il-pajjiż jeħtieġlu bidla fid-direzzjoni b’mod imminenti.
Robert Abela, għal Ħadd ieħor għażel li jibqa’ jaħrab ir-realtà dik tal-isfidi u l-inċertezzi li dan il-Gvern xeħet lil familji Maltin u Għawdxin fihom u minflok dar għan-narrattiva tal-bżar fl-għajnejn u l-politika tal-huma u l-aħna..f’attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor.
//= $special ?>