Lokali

Konferma oħra li d-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas drastikament

Stħarriġ ieħor li sar mill-kumpanija Esprimi juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi naqas drastikament, bil-Partit Laburista tilef mal-10,000 voti fl-aħħar tliet xhur u iktar minn 26,000 mill-elezzjoni tas-sena l-oħra.

L-istħarriġ li ġie ppublikat fil-gazzetta ta’ The Sunday Times of Malta juri li issa d-distakk jinsab favur il-Partit Laburista f’5%, ekwivalenti għal 13,500 vot.

Dan l-istħarriġ sar bejn l-14 u s-26 ta’ Ottubru fejn 600 persuna ġew mistoqsija dwar kif se jkunu qed jivvutaw kieku l-elezzjoni kellha tiġi llum. Dan ifisser li l-perjodu jiġi propju fl-għeqqel tad-deċiżjoni finali li ttieħdet mill-Qorti dwar il-każ tat-tliet sptarijiet.

Mill-aħħar stħarriġ li sar mill-istess kumpanija, il-Partit Laburista tilef 0.3% biex issa qed jiggwadanja 50% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied b’1.3% għal gwadan ta’ 44.8% tal-voti. Din hi l-ikbar fiduċja li l-Partit Nazzjonalista gawda minnha fis-surveys li saru minn Awwissu tal-2021 sal-lum.

Minn dawk li wieġbu, 27.8% qalu li ma jridux jivvutaw għall-ebda partiti, għalkemm dan il-persentaġġ, normalment jonqos sew qrib ta’ xi elezzjoni.

Dan ifisser, bl-aktar mod ċar, li taħt it-tmexxija u d-direzzjoni ta’ Bernard Grech – il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikompli jissaħħaħ bil-provi.