€12.81 huwa l-ammont li se jingħata bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja lill-ħaddiema u l-pensjonanti – flus li mhux se jinħarġu mill-Gvern, iżda mill-intrapriżi li jħaddmu l-impjegati magħhom.
L-ammont tal-COLA tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fl-aħħar jiem, għalkemm baqa’ ma qalx jekk din iż-żieda hix se tiġi intaxxata jew le.
Fl-aħħar jiem, Net News mar il-Belt Valletta fejn ħareġ ċar li n-nies m’humiex kuntenti b’din iż-żieda għall-għoli tal-ħajja meta kumparata mal-isplużjoni fil-prezzijiet.
Saqsejnihom ukoll jekk hux qed iħossu l-impatt tal-għoli tal-ħajja … b’diversi persuni stqarrew magħna li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa l-aħħar tax-xahar sabiex jieħdu l-pensjoni jew il-paga għaliex l-ispejjez ta’ kuljum qed ikomplu jiżdiedu. U l-prezzijiet litteralment splodew.
Il-Ministru Clyde Caruana stess ammetta li l-prezzijiet ser jibqgħu tilgħin ‘il fuq. Iżda ma ħabbar ebda pjan dwar kif – b’mod konkret – se tkun qed tittaffa l-pjaga tal-għoli tal-ħajja li qed taffetwa diversi familji, ħaddiema u anzjani.
Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu ilu xhur jagħti s-soluzzjonijiet għal din l-isfida tal-għoli tal-ħajja – fosthom, il-proposta li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata u li n-negozji jingħataw aktar appoġġ.
//= $special ?>