Budget 2024 Lokali

L-ebda pjan ta’ investiment fir-raba’ vapur mal-flotta tal-Gozo Channel – GTA

Fl-ewwel reazzjoni tagħħa għall-budget, il-Gozo Tourism Association, qalet li innotat li dan il-budget qed jagħti attenzjoni partikolari lill-aspett soċjali tal-poplu Malti u Għawdxi b’numru ta’ miżuri sabiex jissaħħu diversi faxex tas-soċjeta’  kemm dik Maltija kif ukoll Għawdxija.

Il-GTA innotat ukoll miżura li għas-settur turistiku hija mportanti ħafna – it-tkomplija tas-sussijdju tal-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali.  Miżura li bħala destinazzjoni turistika tgħina nkomplu nkunu kompetittivi.

Fejn jidħol Għawdex dan il-budget jidher li qed jagħti l-ewwel sinjali li jindirizzaw l-iżvilupp li għaddej f’Għawdex bħalissa – it-tnaqqis tal-boll fuq xiri ta’ proprjeta’ f’Għawdex u żieda fil-grant lill-first time buyers ta’ proprjeta’ barra l-urban conservation area f’Għawdex li minn €30,000 issa se tkun €40,000.  

Madanakollu hawnekk il-GTA qalet li xtaqet tara aktar miżuri li jagħtu direzzjoni dwar l-iżvilupp f’Għawdex, sabiex inħarsu, intejjbu u anke nsaħħu l-karattru Għawdxi fl-iżvilupp li jsir fil-futur.

Dwar it-turiżmu il-GTA innotat kontinwazzjoni tal-iskema tal-extended stays fix-xitwa f’Għawdex iżda qalet li “rigward il-konnettivita, għalkemm tissemma r-rural airfield, ma nsibu xejn u ma jissemma xejn dwar pjanijet ta’ investiment rigward ir-raba’ vapur mal-flotta tal-Gozo Channel sabiex jidħol minflok il-vapur li bħalissa huwa mikri.”