“Dan il-budget speech li kien twil ħafna , għafas ħafna fuq is-soċjal u għafas ukoll fuq l-immedjat. Ma rajniex illi hemm budget li qed jara xi miżuri partikolari għall-futur. Meta tkellimna u qegħdiin nitkellmu ħafna fuq il-mudell ekonomiku u l-bżonn li jiġi aġġustat, ma tantx rajna sinjali li dak l-aġġustament se jkun hemm, għallinqas mid-diskors kif sar.”
Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, wara li tressaq il-budget għas-sena d-dieħla.
Joe Farrugia, id-Direttur tal-MEA, qali li f’dan il-budget hemm miżuri tajbin, bħal per eżempju l-aġġustament tat-taxxa fuq il-pensjonijiet biex iżid in-numru ta’ anzjani li jkomplu jaħdmu. Fl-edukazzjoni stenna li se jkun hemm enfasi akbar, fejn qal li l-Ministru semma xi affarijet fuq l-edukazzjoni imma ma weriex li vera jrid li din is-sistema tqabbel dak li qed joħroġ mill-istituzzjonijiet tagħna ma’ dak li hemm bżonn fuq il-post tax-xogħol.
Id-Direttur tal-Assoċjazzjoni saħaq li huwa veru li dan il-budget jindirizza l-aktar nies vulnerabbli u nkorpora fih anke r-reviżjoni fil-paga minima, iżda l-cost of living se tkun għolja ħafna. Huwa qal li m’aġġustax lanqas t-taxxa tal-cost of living biex taqa f’idejn min jaħdem allura se joħroġha min iħaddem. Flus li mhux kollha se jmorru għand l-impjegat – parti minnhom se jmorru għand il-Gvern.
Mill-banda l-oħra anke fejn jidħol turiżmu, Joe Farrugia semma kif ma kienx hemm xi commitment speċifiku li jindirizza l-problemi li għandna fit-turiżmu. Kritika oħra hi li f’dan il-budget, rigward il-ħaddiema barranin semma li se jkun hemm regolazzjoni…iżda sostna li hekk qed tindirizza s-supply mhux id-demand għall-ħaddiema barranin. Allura id-domanda ta’ ħaddiema barranin se tibqa’ hemm. Jiġifier xorta waħda se jibqgħu l-problemi.
L-MEA qalet li waħda mill-problemi li rridu nindirizzaw hija tal-popolazzjoni. Kif ukoll diversi problemi oħra….bħal governanza li hija problema serjissima fil-pajjiż. Madanakollu dan mhuwiex id-dmir tal-budget li jindirizzaha. Il-budget għandu jagħfas fuq l-infieq u d-dħul tal-Gvern.
//= $special ?>