Il-UHM Voice of the Workers tinsab ferm diżappuntata li l-Gvern ma’ laqax it-talba li ma jibqax jintaxxa l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA). Din kienet miżura li kellha tħalli €30 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin li kienu tant meħtieġa għalihom biex itaffu mill-impatt tal-għoli tal-ħajja qawwi. Il-Gvern warrab din il-proposta minkejja li kellha l-appoġġ tal-partiti politiċi, il-unions kollha u saħansitra l-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Il-UHM tinnota wkoll it-tentattiv tal-Gvern biex jagħti għajnuna addizzjonali apparti l-COLA. Il-fatt li l-Gvern qed jiftaħar li minn din il-miżura se jgawdu 95,000 familja, hi ammissjoni li l-problema tal-faqar qed tolqot madwar 100,000. Dan ifisser li s-suq mhux isuq, u li l-paga mhux biżżejjed biex il-familji jkollhom kwalità tal-ħajja diċenti.
Dan qed iwassal biex il-Gvern jieħu miżuri sporadiċi biex jeleva l-familji tagħna mil-livell tal-faqar. Dan mhux il-mod ta’ viżjoni ekonomika ġdida ta’ kif intejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet fissuq tax-xogħol. Barra minn hekk dawn il-miżuri sporadiċi qed inaqqru mill-proċess talcollective bargaining u jħarbtu s-sistemi li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-għajxien u d-dħul tal-familji tagħna.
Miżuri bħal dawn qed ikollhom jittieħdu għax għandna pagi baxxi u kompressati u ekonomija li mhux tagħtina l-frott meħtieġ u lanqas tagħmilna sinjuri żgħar. Li kieku lfamilji tagħna huma verament sinjuri żgħar ma kien ikollhom bżonn l-ebda ġest ta’ karità mingħand il-Gvern biex ma jaqgħux fir-riskju tal-faqar.
Il-Gvern qarraq bil-unions wara li wegħidhom li għat-tieni sena konsekuttiva kien se jdaħħal mekkaniżmu li jikkoreġi l-COLA addizzjonali u r-relattività għall-ħaddiema tasservizz pubbliku u tas-settur pubbliku. Minn dan m’għamel xejn. Dan f’ċirkostanza fejn kien hemm l-iktar COLA għolja u għalhekk se ssir ħsara f’COLA inclusive agreements.
Dan ifisser li eluf ta’ ħaddiema se jkunu qed jieħdu daqqa akbar bl-għoli tal-ħajja milli ħadu din is-sena, filwaqt li se jitħarbtu l-iskali tal-pagi tal-Gvern – xi ħaġa li tmur kontra l-prinċipju tal-meritokrazija. Filwaqt li l-Gvern ma sabx fondi biex jagħmel miżuri konkreti li ġew proposti mill-UHM biex jitwieżnu l-familji, ma kellu problema ta’ xejn biex fuq il-ftehim tal-isptarijiet joħroġ aktar minn €500 miljun. Li kieku dawk il-flus ma ntremewx fuq dak il-ftehim korrott, kieku l-Gvern kien ikollu biex jagħmel Budget ieħor u verament jgħin biex ikun hawn Malta Ġusta.
//= $special ?>