Budget 2024 Lokali

Abela kburi bit-track record fis-settur tas-saħħa; jibqa’ jinsisti li ma jridx tibdil fil-mudell ekonomiku

F’konferenza tal-aħbarijiet li ħadet madwar siegħa u nofs, il-Prim Ministru, Robert Abela baqa’ jinsisti li l-mudell ekonomiku m’għandux jinbidel… minkejja li l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana kien qal li dan għandu jinbidel minnufih. B’Abela jmur kontra l-idea ta’ Caruana u jgħid li r-realtà għalih hi li l-mudell ekonomiku mhux fallut.

Fuq ġewwa ta’ Kastilja, Abela kkonferma li l-Gvern tiegħu ma jridx ineħħi t-taxxa fuq il-COLA, b’riżultat li l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jiġi ntaxxat fuq l-għajnuna meħtieġa.

Robert Abela qal ukoll li l-konnettività bejn Malta u Għawdex se tibqa’ tkun servuta minn vapuri bla ebda pjanijiet ta’ investiment.

“Kburi bit-track record fis-settur tas-saħħa”

Robert Abela

Abela wieġeb ukoll għal mistoqsija dwar Steward Healthcare fejn ikkonferma li kien jaf li mhux qed jirrispettaw il-kuntratt tagħhom iżda bħalma jaf kulħadd, il-Gvern Laburista xorta waħda baqa’ jagħtihom il-miljuni. Filwaqt li qal li jinsab kburi bit-track record fis-settur tas-saħħa.

Waqt id-diskors tiegħu, Robert Abela ammetta hu stess li l-poplu Malti u Għawdxi qed “jgħix f’sitwazzjonijiet xejn faċli”… iżda fl-ebda mument ma ta soluzzjoni għal dawn is-sitwazzjonijiet.

Ironikament, Abela qal li dan kien Budget soċjalista li tfassal min-nies, għalkemm jekk wieħed segwa d-diskors tal-Ministru Clyde Caruana jgħaraf kif dan mhux minnu, bil-Budget ma jagħtix soluzzjoni għat-traffiku, għall-għoli tal-ħajja, u għas-settur tas-saħħa, fost l-oħrajn.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ diskors fuq il-metro, il-Prim Ministru qal li minkejja li din kienet wiegħda fil-manifest elettorali mhix qed titqies bħala prijorità għall-Partit Laburista.

U dwar l-inflazzjoni, Abela insista li l-Gvern Laburista seta’ għamel iktar biex jgħin lill-poplu Malti u Għawdxi li issa, għal snin sħaħ, ilhom isofru biex jipprovaw ilaħqu sal-aħħar tax-xahar.