Budget 2024 Għawdex Lokali

BUDGET 2024: Budget bla soluzzjonijiet għal Għawdex; il-vapur il-ġdid ma jissemma mkien

F’dokument ta’ ‘il fuq minn 100 paġna, Għawdex jissemma biss 36 darba filwaqt li ma kien hemm l-ebda kapitlu ddedikat għal din il-gżira. Dan apparti li ma ssemma l-ebda proġett ġdid għal Għawdex għas-sena li ġejja. Budget li tkellem biss fuq proġetti li għaddejjin bħalissa b’uħud minnhom li ilhom mwiegħdin għal snin sħaħ. Budget li fl-ebda mument ma semma vapur ġdid għal Għawdex jew sptar ġdid.

Dan wara li diversi unions appellaw il-bżonn ta’ vapur ġdid għal Għawdex flok jibqgħu jintefqu eluf kbar ta’ ewro kuljum sabiex jinkera l-vapur Nikolaus. Iżda l-Gvern, injora din is-sejħa; u l-Għawdxin se jibqgħu mingħajr vapur ġdid.

Apparti minn hekk, intqal li r-rinovar tal-Middle School fir-Rabat Għawdex se tkun lesta sa Jannar li ġej filwaqt li l-iskola Primarja fir-Rabat Għawdex mistennija li tkun lesta sa Awwissu tal-2024. Iżda jidher li mhux se jkun hemm xi tip ta’ investiment ieħor għall-edukazzjoni fil-gżira Għawdxija.

Fis-settur tas-saħħa, kollox jindika li l-isptar il-ġdid għal Għawdex se jibqa’ biss ħolma hekk kif fid-dokument tal-budget imkien ma ssemma. Dan minkejja l-pressjoni enormi li saret fl-aħħar xhur mill-Partit Nazzjonalista.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex mistenni li jiftaħ fix-xhur li ġejjin; ċentru li kien ilu mwiegħed għal snin sħaħ.

U f’dak li għandu x’jaqsam ix-xiri ta’ propjetà t’Għawdex it-taxxa mistennija li tmur lura għal 5%. Dan filwaqt li l-għajnuna għall-first-time buyer se tiżdied għal €40,000.

Dwar l-airstrip f’Għawdex, fil-budget intqal li għadhom għaddejjin id-diskussjoni minkejja li l-fondi ġew allokati fil-budget tas-sena li għaddiet.

Intant, l-ikbar ċentru sportiv f’Għawdex wasal fl-aħħar fażi iżda ma nagħata l-ebda data ta’ meta se jkun lest.