Budget 2024 Lokali Transport

BUDGET 2024: Ebda soluzzjoni ċara għall-isfida tat-traffiku

Miżura oħra riċiklata – copy u paste mis-sena l-oħra. Dan hekk kif għal budget ieħor, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li se jkunu qed jiffinalizza l-pjan biex numru ta’ servizzi fit-toroq tagħna ma jingħatawx qabel id-9 ta’ filgħodu.

Bil-Ministru ma jispeċifikax liema servizzi huma dawn, u bil-Gvern jidher li ma rrealizzax ir-realtà li qed nesperjenzaw ta’ kuljum… hekk kif skont hu, it-traffiku jkun fl-ewwel sigħat ta’ filgħodu biss.

Il-kelma ‘traffiku’, minkejja li tinsab fuq fomm kulħadd, il-Ministru Clyde Caruana semmiha darbtejn biss. Dan wara li s-CEO ta’ Transport Malta ssuġġerixxa biex kull persuna toħroġ iktar tard mid-dar ħalli nevitaw it-traffiku.

U l-istess bħas-sena l-oħra, fil-Budget saret wiegħda li tiżdied il-preżenza tal-uffiċjali fit-toroq Maltin.

Intant, f’wegħda elettorali li kienet saret fil-leġiżlatura ta’ Joseph Muscat fl-2017, il-Labour kien wiegħed li jlesti t-toroq kollha ta’ Malta f’7 snin… wiegħda li żgur mhux forsi mhux se sseħħ sas-sena d-dieħla… tant li l-Ministru Clyde Caruana għażel li lanqas biss isemmiha waqt id-diskors tal-Budget għas-sena 2024.

Fl-aħħar jiem kien hemm ukoll kritika dwar id-decizjoni li l-kiri tal-e-scooters jispiċċa darba għal dejjem. U issa ġie mħabbar li se tingħata għajnuna finanzjarja għal min jixtri ekick scooter.

Kritika oħra waslet ukoll miċ-ċiklisti f’pajjiżna hekk kif wara żmien ta’ diskussjoni, kulma nkiseb kienet slideshow ta’ 25 paġna li juru nuqqas ta’ infurzar fit-toroq li qed iwassal biex iċ-ċikliżmu jkun aktar diffiċli u perikoluż… bil-wiegħda li kienet saret fl-aħħar manifest kienet li “it-toroq tagħna jkunu aktar siguri għaċ-ċiklisti.”

U ma nistgħux ninsew il-wiegħda li kelna “naraw diskussjoni ħajja dwar il-metro”… bil-kelma ‘metro’ lanqas biss issemmiet darba fid-diskors ta’ Clyde Caruana, aħseb u ara kemm beda dan il-proġett – ħolma li sfumat fix-xejn.

Fid-diskors tal- Budget, mill-ġdid reġgħet issemmiet ir-reklamazzjoni tal-art… għalkemm il-wegħdiet baqgħu eżatti l-istess bħal dawk tas-sena l-oħra. Fil-fatt, għat-tieni sena il-Ministru wiegħed li se jkunu qed isiru studji minn “esperti biex janalizzaw l-aħjar interventi li jistgħu jsiru sabiex isiru proposti għal aktar diskussjoni”.

U filwaqt li s-sena l-oħra l-kabinett approva li jinħarġu sejħiet għall-espressjoni ta’ interess sabiex Evans Building, l-eks Pixkerija tal-Belt u x-Chalet f’Tas-Sliema jiġu żviluppati… dawn fl-ebda mument ma ssemmew mill-Ministru Clyde Caruana.