Budget 2024 Lokali

BUDGET 2024: Ebda tnaqqis fl-income tax filwaqt li l-COLA se tibqa’ tkun intaxxata

Diskors twil immens, li m’offra ebda pjan ekonomiku.

Budget li żied iċ-childrens allowance, iżda li żamm it-taxxa fuq il-COLA.

Budget li m’għandu ebda allokazjoni finanzjarja għal sptar ġdid f’Għawdex, għat-trakka, għall-ITS u għall-isptar mentali – kollha proġetti li intesew.

Budget li żied l-istipendji, iżda ma ħabbar ebda tnaqqis fl-income tax.

Budget li m’offra ebda sostenn għall-kriżi tal-għoli tal-ħajja – għalkemm kien konfermat li l-COLA għas-sena d-dieħla se tkun inqas minn 13-il ewro fil-ġimgħa…żieda għall-għoli tal-ħajja li l-Gvern xorta se jintaxxaha. U allura, mhux se tkun qed tingħata sħiħa lill-ħaddiema u lill-pensjonanti.

Apparti minn hekk, ġie deċiż li t-taxxa tinżamm l-istess – illi jfisser li ħadd mhu se jgawdi minn tnaqqis fl-income tax.

Iż-żieda fiċ-children’s allowance se tkun ta’ ftit iktar minn €60 kull tliet xhur filwaqt li ż-żieda għall-istudenti se tkun biss ta’ €7 fix-xahar.

Għall-pensjonanti ftit iktar minn €2 fil-ġimgħa, hekk kif iż-żieda ta’ €15 lill-pensjonanti tinkludi wkoll il-COLA. 

L-intrapriżi żgħar u medji se jingħataw €40miljun f’cash grant filwaqt li l-first time buyers se jingħataw żieda ta’ €10,000 għal xiri ta’ proprjetà f’UCA jew proprjetà vakanti f’Għawdex.

L-aktar fatt interessanti jibqa’ li l-Gvern ta’ Abela mhux se jbiddel ir-rotta; mhux se jbiddel il-mudell ekonomiku li ġab splużjoni fil-popolazzjoni, splużjoni fil-prezzijiet u piż enormi fuq l-infrastruttura.