“Konvint li l-poplu Malti u Għawdxi apprezza, mhux ftit, il-passi kbar li għamilna fil-qasam tas-saħħa matul is-snin li għaddew.”
Hekk beda d-diskors tiegħu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fis-sezzjoni relatata mas-settur tas-Saħħa f’pajjiżna – ġimgħa biss wara li l-Qorti tal-Appell sabet lill-Gvern ħati ta’ kollużjoni, ċioè ħadma, fil-kuntratti frawdolenti ta’ Vitals u Steward b’rabta mat-tlett sptarijiet ta’ Karin Grech, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar San Luqa.
Dan wara li f’għaxar snin il-Gvern tal-Labour ta’ lil dawn il-kumpaniji €400,000,000 u sas-sena l-oħra tahom €80 miljun – miljun ewro inqas minn dak allokat għal Ministeru tas-Saħħa kollu f’dan il-budget għall-2024.
Il-Ministru reġa’ insista bir-retorika tal-Gvern li f’April ħadu lura dawn l-isptarijiet, meta fil verità kien sfurzat li jagħmel dan meta ta’ Steward telqu mill-pajjiż.
Matul id-diskors tiegħu, Clyde Caruana ftaħar bl-immodernizzar tas-swali fl-Isptar Mater Dei – fl-istess waqt li l-pazjenti qed jitqiegħdu fi swali make-shift fost l-oħrajn f’dik li kienet librerija…jew saħansitra fil-canteen tal-ħaddiema. Bi swali mingħajr twieqi, mingħajr dawl naturali, mingħajr toilets jew fejn tinħasel b’mod diċenti.
Dan għaliex il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro marru x’imkien ieħor. U għaliex l-Isptar Mater Dei mhux qiegħed ilaħħaq maż-żieda enormi fil-popolazzjoni – għajnuna li suppost kellha tingħata mill-Isptar San Luqa. Sptar San Luqa li għadu delapidat għal kollox, sptar li kollox qed jindika li l-Gvern f’dan il-budget ma huwa se jalloka ebda fondi biex jinvesti fih.
U minkejja l-binja l-ġdida tal-outpatients imwiegħda għal dawn l-aħħar 7 snin ma semmiet imkien fid-diskors ta’ Caruana, fl-estimi jidher li l-Gvern fi ħsiebu joħroġ miljun u nofs ewro għal dan il-proġett.
Intant, ma kien hemm ebda kelma rigward il-bini tal-isptar il-ġdid f’Għawdex – għajr li se jkun qiegħed jinvesti €75 miljun fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karin Grech….wara li kien sfurzat jeħodhom lura wara s-sentenza miftuħa mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Madanakollu għad-differenza tal-budget tas-sena l-oħra, il-Gvern mkien mhu qed jikkommetti ruħu biex jibni parkeġġ ġdid fl-Isptar Mater Dei…u wisq inqas sptar ġdid għal kura psikjatrika…binja li ilha tiġi mwiegħda għal dawn l-aħħar snin. B’rabta mas-saħħa mentali, Clyde Caruana insista li l-Gvern se jkompli jimplimenti l-istrateġija dwar is-saħħa mentali – dan fost l-appelli mill-esperti fil-qasam fl-aħħar xhur kawża tas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna deskritta bħala waħda serja.
//= $special ?>