Fil-Budget għas-sena d-dieħla l-Gvern nesa kompletament lill-Kemmuna, il-kriżi fil-ġbir tal-iskart, u anke l-kampanja fost affarijiet oħra. Dan apparti li ssemmew affarijiet li diġa’ kienu mwiegħdin f’budgets tal-passat.
Hekk kif matul dan is-sajf pajjiżna kellu kriżi minhabba muntanji ta’ skart kif ukoll telqa kbira f’diversi lokalitajiet, Clyde Caruana ma ħabbar xejn dwar ġbir aktar frekwenti tal-iskart. U allura, dan ifisser li l-pressjoni li saret waqgħet fuq widnejn torox u r-residenti se jkomplu jkollhom jgħixu f’dan l-istat.
Dwar is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ma tħabbar xejn ġdid għajr illi diġa ssaħħew xi ċentri tad-distribuzzjoni. Dan apparti li l-Enemalta se tkun qiegħda tikri kapaċità sa 60MW f’impjanti ta’ emerġenza.
Minkejja dan kollu jidher li l-Gvern m’għandux soluzzjoni fit-tul għad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna bil-biża’ li l-qtugħ tad-dawl jissokta fix-xhur li ġejjin.
Waqt id-diskors tal-Budget Clyde Caruana ħabbar li €10 miljuni se jkunu ddedikati għat-tħaddir fil-komunità li jirriżultaw fi 80,000 metru kwadru u se jkunu qed jitħawlu madwar 5,000 sigra. U għalhekk dan jindika li dak li wiegħed il-Partit Laburista fil-manifest elettorali mhux se jintlaħaq. Dan hekk kif il-Labour kien wiegħed li se jħawwel mal-100,000 siġra fil-ħames snin ta’ din il-leġislatura.
Intqal ukoll li l-Gvern se jibda x-xogħol fuq l-iżvilupp ta’ strateġija għall-introduzzjoni u l-użu tal-idroġenu mill-industrija f’Malta, sabiex fejn huwa possibbli, proċessi li sal-lum għadhom jużaw diesel jew żjut oħra bla fjuwil, u ma jistgħux jaqilbu għall-elettriku, ikollhom għażla ta’ fjuwil nadif u bla emissjonijiet.
Għal darba oħra, Clyde Caruana ħabbar li l-Gvern se jkun qed joffri skemi għall-installazzjoni ta’ pannelli tax-xemx u batteriji għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli, heat pump water heaters u solar water heaters u r-restawr ta’ bjar ta’ djar antiki – skemi li ilhom jingħataw sa minn żmien Gvern Nazzjonalista.
//= $special ?>