Wara li fil-budget tas-sena li għaddiet, il-Gvern ta’ Robert Abela ma preżenta l-ebda soluzzjoni dwar kif se jżomm aktar għalliema milli jitilqu mis-settur tal-edukazzjoni; għal sena oħra il-Budget kompla jinjora dan il-fatt. Dan minkejja li din is-sena, kien hemm numru sostanzjonali ta’ edukaturi li għal raġunijiet varji tefgħu r-reżenja tagħhom.
Il-Ministru Clyde Caruana f’dan il-budget, kulma semma’ huwa l-fatt li se jżid l-istipendji tal-istudenti li qed jitħarrġu għal għalliema ta’ livell primarju jew tal-istudji xjentifiċi u tal-matematika fejn injora totalment l-għalliema li qed jaħdmu bħalissa f’dan is-settur, u l-istudenti li qed jitħarrġu f’suġġetti differenti minn dawn imsemmija. Dan filwaqt li ma indirizzax l-għalliema li huma klassifikati bħala ‘supply teachers’.
Intant, waqt il-budget ġie mħabbar li fis-sena li ġejja se tibda l-ewwel fażi ta’ rinnovar u modernizzar fuq l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi filwaqt li jibdew il-fażijet preliminari fuq skejjel Primarji ġodda fil-Mosta u fil-Mellieħa.
Dan filwaqt li se jkun qed jitlesta x-xogħol fl-middle school tar-Rabat Għawdex sa Jannar li ġej, u l-iskola primarja sa Awwissu tas-sena li ġejja – skejjel li ilhom snin sħaħ jiġu imwiegħda.
Apparti dan, il-Ministru Clyde Caruana f’dan il-budget kompla jgħid li x-xogħolijiet fl-iskola tal-Imsida, għaddejin b’ritmu tajjeb dan minkejja d-diżastru li kien hemm b’rabta ma’ dan il-proġett.
F’dan il-budget, issemmew ukoll programmi eżistenti ta’ Scholarships u tax credits li huma offurti lil studenti li javvanzaw fil-livell ta’ Masters u Dottorat, permezz tal-iskemi Get Qualified u Higher Educational Qualifications.
Fil-Budget tħabbar li l-istipendju se jkun qed jiżdied pro rata, b’żieda ta’ 64 ewro fis-sena, li jfisser madwar 5 ewro u 30 ċenteżmu fix-xahar u żieda miżera ta’ ewro u 30 ċenteżmu fil-ġimgħa.
Għal sena oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jsemmi l-Università ta’ Malta f’dan il-budget, hekk kif m’hemm l-ebda referenza għal investiment f’din l-istituzzjoni edukattiva – għajr il-possibiltà li ssir sistema ta’ park and ride. Dan minkejja li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, issemma’ kumpless sportiv modern, u klinika sportiva filwaqt li jsir parkeġġ taħt l-art li jesa’ aktar minn 1,000 karozza…fost l-oħrajn. Minn naħa l-oħra, l-MCAST, l-ITS u l-Junior College ma ssemmew fl-ebda parti tad-diskors.
//= $special ?>