Budget 2024 Lokali

“Budget b’objettivi soċjali, imma vag kif se joħloq il-ġid” – Kamra tal-Kummerċ

Fi stqarrija ppublikata ftit tal-minuti ilu, il-Kamra tal-Kummerċ innotat li parti dejjem akbar min-nefqa tal-Gvern qed tmur fuq spejjeż rikorrenti li qed jgħinu biex il-pensjonanti u dawk bi dħul baxx ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja. 

Iżda minn naħa l-oħra, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li l-parti l-oħra tan-nefqa soċjali fuq l-infrastruttura hija inadegwata speċjalment meta wieħed iqis iż-żidiet fil-popolazzjoni f’dawn l-aħħar snin u l-pressjonijiet li jirriżultaw fuq id-distribuzzjoni tal-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart, u n-netwerk tat-toroq tagħna kkonġestjonat bit-traffiku.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li dan il-budget serva ta’ opportunità oħra mitlufa sabiex jiġu introdotti miżuri konkreti u jiġi diżinċentivat l-użu tal-karozzi privati ​​f’żoni konġestjonati bi traffiku u fir-rush hours.

“Ftit hemm ċarezza fil-Budget dwar kif il-Gvern se jtejjeb il-kapaċità produttiva tal-ekonomija tagħna, lil hinn minn għadd ta’ skemi li jinċentivaw lin-negozji biex jagħmlu investimenti diġitali u sostenibbli,” żiedet il-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Kamra tal-Kummerċ hija mħassba li l-enfasi fuq is-sussidji qed toħloq kultura ta’ dipendenza. “Il-Gvern qed jiddependi fuq żidiet fid-dħul mit-taxxa li jirriżultaw minn żidiet fil-pagi, l-aktar minħabba l-COLA, li huma taxxabbli bis-sħiħ peress li ma kien hemm l-ebda reviżjoni fil-faxex ta’ taxxa l-aktar baxxi,” qalet il-kamra tal-Kummerċ, filwaqt li żiedet li l-Gvern injora kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, inkluz tal-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Kamra tal-Kummerċ innotat li l-Gvern fl-aħħar qed jikkunsidra li jintroduċi reġistrazzjoni awtomatika fil-pensjonijiet privati ​​u t-tnedija ta’ Qorti kummerċjali speċjalizzata, li tajjeb li ngħidu li iż-żewġ miżuri kienu proposti mill-Kamra tal-Kummerċ. Żviluppi pożittivi oħra li jibbażaw fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kamra tal-Kummerċ jinkludu r-regolamentazzjoni ta’ aġenziji ta’ reklutaġġ, inċentivi għal start-ups, inċentivi għal negozji tal-familja, skemi relatati mal-ESG għall-SMEs, u l-użu tat-teknoloġija għall-infurzar tal-liġi.