Futbol Sport

Ħamrun weħidhom fil-quċċata, ikompli l-mument pożittiv ta’ Sliema u Hibernians jerġgħu jonqsu milli jirbħu

(Ritratt: Joseph Galea)

Ħamrun Spartans irritornaw għar-rebħ, dan wara li fil-konfront kontra r-rivali eterni Valletta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. Mhux talli hekk talli issa jinsabu weħidhom fil-quċċata tal-klassifika wara li Floriana naqsu li jirbħu kontra Gudja United. Kienet logħba li rat lill-Ispartans jieħdu vantaġġ wara biss erba’ minuti logħob u rduppjaw f’nofs l-ewwel taqsima. Valleta ftit li xejn dehru fl-ewwel taqsima iżda kellhom ċans li jidħlu mill-ġdid fil-logħba fil-bidu tat-tieni taqsima hekk kif huma ngħataw penalty li iżda Paiber ra l-ballun jaħbat mal-mimduda. Ħamrun qatt ma’ kienu taħt theddida bil-gowl Belti jasal fil-ħin mogħti żejjed meta kien tard wisq. B’hekk waslet l-ewwel telfa għall-kowċ Vincenzo Potenza fuq il-bank Belti wara li fid-debutt tiegħu Valletta kienu rebħu kontra Marsaxlokk.

Joseph Mbong ta’ Ħamrun issikkat minn Enzo Ruiz ta’ Valletta (Ritratt: Joseph Galea)

Wara li l-ġimgħa li għaddiet Floriana kienu miżmuma minn Naxxar Lions, din il-ġimgħa huma reġgħu naqsu li jirbħu kontra Gudja United biex b’hekk tilfu wkoll il-kmand tal-klassifika. Din kienet it-tieni logħba konsekuttiva għall-Greens bla rebħa fejn wara bidu tajjeb meta huma rebħu kontra prattikament it-timijiet ta’ fuq kollha ħlief lil Ħamrun peress li għad iridu jiltaqgħu, huma naqsu li jżommu r-ritmu meta ffaċċjati minn timijiet anqas ikkwotati. Kienu Gudja li fetħu l-iskor mal-bidu tat-tieni taqsima biex Floriana wettqu reazzjoni li iżda ssarrfet biss fil-gowl tad-draw. Għal Gudja dan kien punt mirbuħ ieħor, ir-raba’ draw minn sitt logħbiet fejn għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Maksim Volodko jiskorja l-gowl tad-draw għal Floriana kontra Gudja (Ritratt: Trevor Sollars)

Birkirkara mill-ġdid fuq in-naħa tar-rebħ hekk kif fid-derby kontra l-ġirien Balzan kisbu rebħa konvinċenti bl-iskor ta’ 3-0. Rebħa li poġġiet lill-Istripes fit-tielet post tal-klassifika b’punti daqs Marsaxlokk u Sliema. Huma approfittaw minn nuqqas kbir fid-difiża ta’ Balzan fejn Ciolacu skorja tnejn mit-tlett gowls tagħhom. L-Istripes fetħu l-kont fl-ewwel parti tal-partita fejn minn hemm qatt ma’ ħarsu lura. Huma urew aktar determinazzjoni u motivazzjoni biex ir-rebħa waslet b’mod meritat. Mill-banda l-oħra fit-tim ta’ Balzan dehru xi ftit ta’ nuqqasijiet b’mod partikolari fid-difiża fejn żgur li l-kowċ Oliver Spiteri kellu ħafna xi jgħid lill-plejers tiegħu u għandu ħafna fuq xix jaħdem matul din il-ġimgħa qabel ma’ Balzan jaffrontaw lil Naxxar Lions.

Yannick Yankam jiċċelebra l-gowl li fetaħ l-iskor kontra Balzan (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Gowl skurjat minuta minn tmiem il-partita minn Mohamed Awad qaleb il-miżien favur Sliema Wanderers hekk kif huma għelbu lill-ġirien Gżira United. Kienet rebħa meritata għall-Blues li kien l-aktar tim li ħoloq azzjonijiet ta’ gowl. Rebħa u tlett punti prezzjużi oħra għat-tim immexxi minn Paul Zammit li b’hekk jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika. Għal Gżira din kienet it-tielet telfa tal-istaġun fejn kif kien wara kollox previst l-affarijiet jidhru ħafna differenti minn dawk li konna drajna fl-aħħar snin. It-tim naqqas ħafna mis-saħħa tiegħu u dan qed jiġi rifless fil-logħbiet b’wirjiet li ma’ jissodisfawx. Żgur li l-Maroons iridu jkunu kawti peress li biex jiġi riformat il-Kampjonat bi tnax-il tim, din is-sena ser ikunu erba’ timijiet li jaqgħu mill-Kampjonat Premier għaċ-Challenge League.

Azzjoni sfortunata għal Sliema Wanderers li laqtu l-lasta fit-tieni taqsima (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ikompli l-mument pożittiv ta’ Mosta hekk kif huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-2 f’logħba li kienet mimlija azzjonijiet, kif wara kollox jindika l-iskor. Jekk din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Mosta kienet ukoll it-tieni telfa konsekuttiva għal Marsaxlokk. Dawn tal-aħħar wara l-bidu eċċellenti li kellhom tilfu xi ftit il-pass f’dawn l-aħħar ġimgħat. Żewġ gowls kmieni fil-partita mit-tim immexxi minn Mario Muscat taw lil Mosta ċertu kunfidenza fil-logħba li kompliet tiġi trażmessa tul id-disgħin minuta. Jidher pjuttost ċar li aktar ma’ jgħaddi żmien aktar it-tim  Mosti qed jikber u jkompli jitjieb. Il-pedamenti huma inkoraġġanti ħafna anki meta tqis li mhux qed jibżgħu li jinkludu numru sostanzjali ta’ plejers mill-akkademja tagħhom. 

Azzjoni mill-partita bejn Mosta u Marsaxlokk mirbuħa mill-Mostin 3-2 (Ritratt: Catriel Farrugia)

Ħafna kienu dawk li ħasbu li Naxxar kien tim li jingħeleb faċilment, iżda nhar is-Sibt li għadda komplew jikkonfermaw fejn estendew is-serje ta’ riżultati pożittivi għal erba’ logħbiet bi draw kontra Hibernians. Dan kien it-tielet draw tagħhom fl-aħħar erba’ logħbiet. Mill-banda l-oħra jkomplu jiddiżappuntaw Hibernians fejn issa jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, fl-għaxar post. Forsi mill-att pożittiv Hibernians waqfu s-serje ta’ telfiet biex ħadu punt u issa jħarsu b’aktar ottimiżmu lejn il-partita li jmisshom fi tmiem il-ġimgħa li ġejja kontra Gudja United. Għal Naxxar kull punt huwa bonus sabiex jaslu lejn it-tragward tagħhom, dak li jevitaw ir-relegation.

Finalment l-aktar logħba li naqset li tilħaq xi livelli kienet dik li laqqgħet lil Sirens ma’ Santa Lucia. Kif ngħidu dejjem li l-klassifika ma’ tigdibx fejn din il-logħba kienet riflessjoni tal-posizzjoni fil-klassifika taż-żewġ timijiet. Logħba li f’90 minuta ftit rajna azzjonijiet u li punt ma’ kkuntenta lil ħadd. Fil-fatt kemm is-Saints kif ukoll it-tim minn San Pawl il-Baħar jibqgħu ankrati fil-qiegħ b’żewġ punti, u wara sitt logħbiet it-tnejn li  huma għadhom ifittxu l-ewwel rebħa.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI  kien hemm sigurtà stretta għall-partita li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium bejn Valletta u Ħamrun Spartans. Fil-fatt il-partitarji ma’ tħallewx jidħlu lil hinn mill-gabbana li hemm fuq barra u dan għamel il-kompitu aktar sigur.   

LI  l-atmosfera fit-Tony Bezzina Stadium nhar is-Sibt li għadda kienet waħda sabiħa ħafna  u hawn inkomplu nikkonfermaw kemm hemm bżonn li l-futbol jibda jintlagħab fi grounds ta’ din ix-xorta. Pero ovja li rridu nitgħallmu wkoll  hekk kif fi tmiem il-partita waqt l-intervisti diretti tal-kowċis rispettivi bdew jitgaraw tazzi u flixken bl-ilma. Ikun tajjeb li nikbru ftit.

LI   wara t-telfa kontra St George’s fid-derby tal-Kottonera, Vittoriosa Stars itterminaw il-kuntratt tal-assistant kowċ tagħhom Daniel Sowatey. Akkużi xi ftit serji mill-klabb tal-Birgu fil-konfront ta’ Sowatey fejn ingħad b’mod ċar li ntilfet il-fiduċja fih.