Ambjent Lokali

Il-Moviment Graffitti jsejjaħ biex il-Ministeru tal-Infrastruttura jieqaf jitmejjel bin-nies u jirtira l-pjanijiet għal Jott Marina fil-Birgu

Wara ċ-ċaħda tal-Ministeru tal-Infrastruttura li hemm pjanijiet għal Jott Marina fit-Toqba tal-Birgu, il-Moviment Graffitti qed isejjaħ din l-istqarrija tal-Ministeru bħala qarrieqa u jisħaq li l-pjanijiet għal jott marina għandhom jiġu rtirati.

Is-Sibt li għadda, il-kunsill lokali tal-Birgu u r-residenti esprimew l-inkwiet tagħhom meta raw tabelli li ma jistax isir għawm, imwaħħlin fit-Toqba tal-Birgu, roqgħa popolari għall-għawm li ilha tintuża għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Skont il-pjanijiet u d-disinji li ġew sottomessi mill-Ministeru tal-Infrastruttura bħala parti mill-applikazzjoni PA/06431/20, id-għajjes se jkunu qegħdin jikkapparraw il-qala kollha tal-Birgu u l-Kalkara, bid-dgħajjes il-kbar u l-jottijiet sorġuti eżatt fit-Toqba tal-Birgu. Din l-applikazzjoni bħalissa qed tistenna d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Is-sena l-oħra, fl-oġġezzjoni tiegħu għal dan il-pjan, il-Moviment Graffitti kien innota li, għalkemm l-applikazzjoni qiegħda tiġi preżentata bl-iskuża li jridu jiġu organizzati l-irmiġġi, fil-verità, din mhix ħlief attentat biex il-qala u x-xatt jinbelgħu minn Jott Marina. L-applikazzjoni qed tipproponi l-ammont xokkanti ta’ 334 irmiġġ, madwar il-qala kollha, u b’numru mhux ħażin ta’ rmiġġi għal dgħajjes kbar.

Barra minn dan, l-iskuża tal-Ministeru tal-Infrastruttura li t-tabelli biex ma jsirx għawm ġew imwaħħlin għal raġunijiet ta’ sigurtà hija insult għall-intelliġenza tal-poplu. Skuża bħal din bl-ebda mod ma tispjega għalfejn dawn it-tabelli ġew imwaħħlin proprju issa, lejn it-tmiem tal-istaġun tal-għawm; għalfejn il-kunsill lokali ma ġiex konsultat, u lanqas biss infurmat; u għalfejn ġew imwaħħlin hemm b’mod speċifiku, u mhux f’hafna postijiet oħrajn madwar Malta u Għawdex fejn jeżistu dawn l-hekk imsejħa perikli.

Huwa ċar u inkwetanti li dawn it-tabelli qegħdin iwittu t-triq biex dawn l-akkwati jinbidlu f’Jott Marina. Madanakollu, in-nies mhux se jibqgħu jaċċettaw il-ħtif ta’ spazji vitali minħabba interessi privati.