Lokali

Il-mudell ekonomiku preżenti huwa falliment tal-Gvern Laburista

“Il-fatt li wara 10 snin ikollok tammetti li għandek mudell ekonomiku li jrid jinbidel huwa l-akbar falliment tal-Gvern Laburista.”

Dan sostnieh l-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi waqt intervista li kellu ma’ ‘The Malta Independent on Sunday.’

F’din l-intervista, Lawrence Gonzi qal li l-Gvern immexxi minn Robert Abela issa donnu irrealizza li fl-aħħar 10 snin ittieħdu deċiżjonijiet li ħolqu problemi kbar f’pajjiżna tant li diversi setturi spiċċaw għarkubbtejhom. Dan minflok ittieħdu deċiżjonijiet li setgħu kienu ta’ benefiċċju għal pajjiżna.

Hawnhekk, Lawrence Gonzi saħaq li s-soluzzjoni hija waħda ovja u li l-pajjiż għandu bżonn bidla radikali fit-tmexxija – u tmexxija ta’ serjetà, li tkun onestà kif ukoll ta’ integrità.

Huwa qal li fl-aħħar għaxar snin rajna affarijiet li kienu frott deċiżjonijiet ħżiena fosthom id-deal frawdolenti tal-isptarijiet kif ukoll l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Barra minn hekk, Lawrence Gonzi qal li sfortunatament f’ħafna ċirkostanzi Robert Abela jinsa li mhuwiex biss il-Mexxej tal-Labour għaliex huwa wkoll Prim Ministru responsabbli mill-poplu kollu. Hawnhekk huwa insista illi jippretendi li Prim Ministru ta’ pajjiż jitkellem b’ċertu serjetà minflok diskorsi mimlija attakki partiġġjani, wieħed wara l-ieħor.

Għaldaqstant meta mistoqsi jekk il-Partit Laburista għadux wieħed tal-ħaddiema huwa qal li l-Labour abbanduna dak kollu li kien jemmen fih. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għadu jemmen fil-valuri li minn dejjem kien iħaddan.