Budget 2024 Lokali

“Il-mudell ekonomiku tal-Gvern falla” – Bernard Grech

“Illum kulħadd qed jistenna l-Ministru llejla x’se jgħid fil-budget. Imma x’se jgħid? X’hemm bżonn jgħid? In-nies, il-poplu, aħna x’qed nippretendu li għandu jgħid?”

Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post fuq Facebook, ftit sigħat qabel il-budget tal-lejla. Bernard Grech saħaq li l-Ministru, illejla, għandu jgħid ċar u tond li se jmur għall-bidla fl-ekonomija tal-pajjiż…mhux tranżizzjoni...soft words li jħobb juża hu u l-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna l-bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku.

“Biex ikollna kwalita’ ta’ ħajja aħjar, pagi aktar b’saħħithom, biex inkunu nistgħu inrażżnu verament il-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna ma tibqax taħt theddida. Dak huwa li n-nies qegħdin iħossu u dak li emm bżonn li jindirizza llejla.”

Bernard Grech qal li l-għoli tal-ħajja qiegħed ikisser lil kulħadd u mhux biżżejjed li niddependu minn ċekk li kultant jiddeciedi li jibgħat il-Ministru jew il-Prim Ministru.

“Il-Prim Ministru qed jammetti li bl-ekonomija li hu għandu, bil-mudell ekonomiku tiegħu…ta’ dan il-Gvern f’dawn l-10 snin, hemm 95,000 familja li għandhom bżonn l-għajnuna.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li din hi ammissjoni ta’ falliment tal-mudell ekonomiku tal-Gvern u għalhekk irridu mmorru għal mudell ekonomiku differenti. Mudell ekonomiku ta’ eċċellenza. Mudell ekonomiku li permezz tiegħu inkunu qegħdin noħolqu jobs ta’ kwalita’, mhux job li jgħinek tasal bl-eżatt jew ma tasalx sal-aħħar tax-xahar.

“Aħna rriduk tgħix kuntent, irriduk tgħix ħieni, irriduk tgħix komdu. Irriduk twettaq il holm tiegħek u tal-għeżież tiegħek.”

Bernard Grech staqsa x’qed jippretendi l-poplu mill-budget tal-lejla? Hu saħaq li l-messaġġ huwa ċar – Il-Gvern x’ser jagħmel biex igib l 400,000,000 lura?

“Jekk dan mhux se jsir illum, jekk mhux se jbiddel il-mudell ekonomiku, jekk mhux se jindirizza bis-serjeta’ l-għoli tal-ħajja, jekk mhux se jghidilna kif se jġib lura l-400,000,000 allura l-budget tal-lejla se jkun wieħed irrelevanti.”