Budget 2024 Edukazzjoni Lokali

Il-UPE tikkonsidra l-Budget bħala wieħed irrelevanti għall-edukazzjoni

Il-Union of Professional Educators (UPE) tikkonsidra l-Budget 2024 bħala wieħed irrelevanti għall-edukazzjoni u li ma jagħti ebda konfort lill-edukaturi. L-investiment fl-edukazzjoni mhux adegwat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma tjiebux. Id-drittijiet fundamentali tal-edukaturi, fosthom għal-liberta’ ta’ assoċjazzjoni fil-union tal-għażla tagħhom huma mkasbra sistematikament.

Dan il-budget ma jagħti ebda tama lill-edukaturi. L-edukaturi ma qed jieħdu xejn ħlief paroli fil-vojt u wegħdi fiergħa. Safrattant, l-edukaturi għadhom jaħdmu b’kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ tletin sena ilu u b’pagi miżeri maqbula mal-MUT. Filwaqt illi x-xogħol żdied għall-edukaturi kollha, il-kundizzjonijiet pessmi tax-xogħol u l-pagi baqgħu miżeri minħabba monopolju li jmur kontra l-liberta’ ta’ assoċjazzjoni kif sanċita fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u bosta konvenzjonijiet oħra li Malta hija firmatarja tagħhom.

Il-UPE twissi illi ħadd ma għandu jipprova jgħaddi biż-żmien lill-ħaddiema, b’mod partikulari lill-edukaturi. L-edukaturi jafu li għandhom kundizzjonijiet ħziena tax-xogħol għax il-gvern qed jistrieħ fuq monopolju trejdunjonistiku. Monopolju li ma sarraf xejn għajr f’aċċettazzjoni għamja ta’ ħafna aktar xogħol għal rimunerazzjoni bir-ribass. 

L-UPE tfakkar illi Malta hija l-uniku pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Unjoni Ewropeja fejn il-liberta’ ta’ assoċjazzjoni fi trade union tal-għażla tal-ħaddiema huwa mkasbar tant illi minflok ma jagħti vantaġġ lill-ħaddiema, dan id-dritt ġie kapovolt biex jintuża kontrihom: 

  • Malta hija l-uniku pajjiż fejn reġim ta’ quasi-closed shop huwa tollerat minflok ikkundannat.
  • Malta hija l-uniku pajjiż fejn ħaddiem ma jistgħax jirrikorri għall-protezzjoni tal-union tal-għażla tiegħu jekk din il-union ma tkunx dik li jrid l-employer
  • Malta hija l-uniku pajjiż fejn eluf ta’ ħaddiema jiġu mċaħħda milli jiġu irrapreżentati mill-union tal-għażla tagħhom permezz ta’ manuvri maniġerjali u/jew amministrattivi.
  • Malta hija l-uniku pajjiż fejn il-liberta’ tal-assoċċjazzjoni tal-ħaddiema  ġie mgħoddi lill-employer biex jimmanuvra kif jaqbel lilu biex jagħżel huwa minflok il-ħaddiema liema unions jirrapreżentawhom. 

Il-UPE tappella lill-gvern biex jibda jirrispetta d-drittijiet tal-edukaturi bħala ħaddiema. Fuq kollox għandu jaġġorna ruħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il- liberta’ fundamentali tal-ħaddiema li jassoċjazzjoni fi trade union tal-għażla tagħhom għal-protezzjoni tal-interessi tagħhom. Sakemm dan isir il-budget jibqa’ irrilevanti għall-edukaturi.