Lokali

Inkjesta li kapaċi jkollha riperkussjonijiet serji għall-Gvern ta’ Robert Abela

Hekk kif issa għaddiet ġimgħa mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell dwar id-deal frawdolenti tat-tliet sptarijiet jidher li l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ waslet ukoll biex tkun konkluża – b’sorsi jindikaw illi l-Inkjesta tinsab fl-aħħar stadju tagħha. U allura dan ifisser li l-għeluq ta’ din l-Inkjesta kapaċi jkollu riperkussjonijiet serji għall-Gvern.

Il-gazzetti ‘Illum’ u ‘MaltaToday’ spjegaw li din l-Inkjesta Maġisterjali li propju bdiet fl-2019 wara talba li saret mill-għaqda Repubblika se tkompli żżid it-tensjoni li diġa’ teżisti fil-qalba tal-Partit Laburista.

Dan apparti li din l-Inkjesta – mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella – kapaċi twassal għal investigazzjonijiet fuq diversi persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru Edward Scicluna li preżentament huwa l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kif ukoll l-eks Ministru Konrad Mizzi.

Bosta membri tal-Labour u Ministri li tkellmu mal-MaltaToday irrikonexxew il-fatt li din l-Inkjesta Maġisterjali se toħloq sitwazzjoni serja ħafna hekk kif hemm possibilta kbira li Joseph Muscat jitpoġġa taħt investigazzjoni. B’oħrajn jgħidu li dawk kollha involuti f’dan id-deal frawdolenti għandhom jerfgħu responsabbilta sabiex issir ġustizzja totali – kbar kemm huma kbar ir-riperkussjonijiet.

Dan filwaqt li oħrajn qed jibqgħu jippuntaw lejn Robert Abela bħala l-persuna li baqa’ jippompja miljuni kbar f’dan id-deal, meta kien jaf li kien hemm il-frodi. Tant li hu stess prova jbiddel il-ftehim; iżda ma rnexxielux.

Għaldqastant; għalkemm id-data ta’ meta se tiġi ppubblikata din l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet għadha mhix magħrufa; kollox jindika li pajjiżna se jerġa’ jsib ruħu f’sitwazzjoni simili għal dak li esperjenzajna fl-2019 fl-eqqel ta’ kriżi politika. U għal darba oħra, jgħidu r-rapporti fil-gazzetti tal-Ħadd, Joseph Muscat se jkun fiċ-ċentru ta dan it-taqlib kollu.