Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jiżdied l-allert dwar it-terrur fost it-theddida mill-Iran

Il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak mexxa laqgħa ta’ emerġenza magħrufa bħala ‘Cobra’ u fejn indirizza l-iżviluppi fuq livell globali li għandhom implikazzjonijet gravi għar-Renju Unit. Sunak u diversi uffiċjali għoljin, inkluża l-Ministru għall-Intern, Suella Braverman, iddiskutew fost oħrajn l- ‘aspetti ta’ periklu’ u ‘sogri għas-sigurtà tal-popolazzjoni’ fost l-inkwiet dwar theddida ‘aċċellerata’ ta’ terrur fir-Renju Unit.

Is-servizzi sigrieti Britanniċi bħalissa jinsabu fuq allert għal sitwazzjonijiet xprunati mill-gwerra ta’ Iżrael kontra l-Ħasmas u li kapaċi jiftħu għal azzjonijiet terroristiċi fl-artijiet tar-Renju Unit.

L-Iran qed joħroġ dejjem aktar bħala protagonista wara l-mewġa ta’ tensjoni fir-Renju Unit u diversi pajjiżi Ewropej – b’Sir Mark Rowley, il-Kap tal-Pulizija Metropolitana, jammetti dwar sfida kbira għall-Korp u l-entitajiet tas-sigurtà f’pajjiżu. Dan fost mewġa ta’ ‘hate crimes’ u inkwiet ċiviku li qed ikun xprunat, partikularment minn aġenti li qed jaħdmu għall-interessi tar-reġim Iranjan.

Rowley wissa li s-sentimenti ta’ anti-semitiżmu f’Londra żdiedu ‘b’erbatax-il darba’ fuq tal-ġimgħat preċedenti u li t-theddid mill-Iran għall-ħajja normali f’pajjiżu irid jitqies fuq il-livell ta’ Stat.

Dan meta t-terroriżmu qed jingħata spinta minn avvenimenti bħad-dimostrazzjonijiet bla rażan favur ‘il-Palestinjani u l-Ħamas’ f’Londra u r-reati ta’ mibgħeda, fuq kwistjonijiet ta’ razza, qalb il-komunitajiet fir-Renju Unit.