Il-qawwiet ta’ Iżrael fl-aħħar sigħat kienu involuti f’diversi battalji tal-art mal-Hamas u gruppi terroristiċi oħrajn li qed jieħdu s-sostenn tagħhom mingħand l-Iran….Dan ukoll fost l-inkwiet li l-gwerra attwali kapaċi tinfirex b’ritmu allarmanti madwar ir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
U waqt li l-populazzjoni f’Gaza qed tiffaċċja katasatrofi umana fuq livell ‘bibbliku’, il-kelliema għall-Armata Iżraeljani wissew lir-residenti fit-territorju li huma, illum, qegħdin jgħixu fl-eqqel ta’ front tal-battalja u li Iżrael mhux se jieqaf mill-mewġa tal-attakki sakemm jeqred lil kull terrorista tal-Hamas li fis-7 ta’ Ottubru ħa sehem fil-massakri storiċi ta’ ċivili Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
It-twissija liċ-ċivili Palestinjani qed titwassal anki mill-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani li fl-aħħar sigħat telqu l-eluf tal-fuljetti fuq Gaza biex iwasslu l-messaġġ li x-xelters fit-Tramuntana ta’ Gaza u bnadi oħra tat-territorju mhumiex sikuri aktar ma jiżdiedu r-rejds fuq tal-Hamas. Dan għaliex għad fadal il-mijiet tal-eluf ta’ ċivili fit-Tramuntana ta Gaza minkejja t-twissijiet preċedenti biex huma jirrilokaw lejn l-ibnadi tan-Nofsinar fl-istess territorju.
Bħalissa – u skont l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Palestinjani — hemm ‘mijiet fuq mijiet’ tal-pazjenti iżolati fl-isptarijiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza. It-tobba hemmhekk qalu li l-Iżraeljani wissew lill-istaff fl-isptar ta’ Al-Quds biex jevakaw il-pazjenti minn dan il-kumpless fil-Belt ta’ Gaza, u meta t-trasferiment tal-pazjenti, li wħud jinsabu taħt kura intensiva , hu impossibbli.
Il-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar sigħat ukoll komplew jibbumbardjaw il-mijiet tas-siti tal-Hamas fost il-konfronti intensivi mal-art bejn il-platoons tas-suldati u t-terroristi…Dan ukoll meta aktar truppi Iżraeljani, appoġġjati bit-tankijiet tal-gwerra, qegħdin jinfiltraw il-Medda ta’ Gaza mill-fruntiera waqt din it-tieni fażi tal-gwerra mal-Hamas.
Il-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar żewġ iljiieli, ma waqfux mill-bumbardamenti ta’ Gaza waqt li l-Armata kompliet tespandi l-operat tal-gwerra madwar it-territorju. L-iskopijiet tal-Iżraeljani huma ċari u fejn, minbarra l-impenn biex ‘jeqirdu lill-Hamas’ qed ikunu anki eżerċitati l-kapaċitajiet militari intiżi għall-ħelsien tal-ostaġġi li t-terroristi kienu ħatfu minn Iżrael waqt ir-rejds tas-7 ta’ Ottubru.
Fl-istess ħin, il-bullettini regolari provduti mill-militar Iżraeljan qed jirreferu għall-‘eliminazzjoni ta’ għexieren ta’ terroristi’, kif ukoll għall-qerda tal-infrastruttura u kumplessi militari tal-Hamas f’Gaza.
//= $special ?>