Raġel ta’ 34 sena residenti San Ġwann inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li nhar il-Ħadd, 22 ta’ Ottubru, kkommetta serq ta’ hand bag minn fuq anzjana li kien fih diversi oġġetti, liema seq sar wara li ħebb għaliha u kkaġunalha feriti gravi.
Clifford Garrett li qal li jaħdem fil-Kostruzzjoni ġie akkużat li kkommetta dan ir-reat bejn it-8pm u t-8.30pm. fi Triq il-Ġibjun, San Ġwann – erba’ passi l-boegħod minn fejn joqgħod hu u fejn toqgħod l-allegata vittma. Huwa ġie mixli li s-serqa hija kwalifikata bi vjolenza u li ma taqbiżx l-2,333 ewro.
Garrett ġie akkużat ukoll li fid-9 ta’ Ottubru li għadda seraq baskett li kien fih diversi oġġetti minn karozza, liema serqa saret allegatament bejn is-7.30am u d-9.00am. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħha fejn saħqet fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, liema talba sabet oppożizzjonni mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Nadia Ciappara, f’isem l-Avukat Ġenerali u l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Nico Zarb.
Dawn qalu li l-akkużat għandu problema kbira ta’ droga u li mhux l-ewwel darba huwa kkommetta reati simili, kif ukoll li l-allegati vittmi għad iridu jixhdu, u li l-anzjana vittma hija wkoll ġara tal-akkużat.
Id-difiża qalet li peress li Garret għandu fejn joqgħod il-Qorti tista’ tordna rinkażar u ordnijiet oħra skont il-liġi. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ iżda laqgħet it-talba tad-difiża biex ix-xhieda tal-prosekuzzjoni jittellgħu fis-seduta lu jmiss.
//= $special ?>