Telefonata ta’ emerġenza partikulari – jew ‘ta’ 911’ — kapaċi tixħet dawl fuq ir-raġuni prinċipali wara l-mewta traġika ta’ Matthew Perry, l-attur li seraq qalb id-dinja għall-interpretazzjoni ta’ Chandler Bing fis-sensiela popolari ‘Friends’ li tibqa’ fost l-aktar sitcoms popolari għal kull żmien.
U waqt li l-personalitajiet distinti ta’ Hollywood u l-fans minn kull rokna tad-dinja qed isellmu lill-memorja ta’ Bing, l-awtoritajiet qed jevalwaw audio-clip fejn wieħed mill-ewwel nies li waslu fid-dar tal-attur qed jirreferi għall-mewt ta’ Perry bħala ‘għarqa’. Dan sekondi wara li nstab il-katavru ta’ Perry fil-jacuzzi tad-dar tiegħu fir-reġjun ta’ Pacific Palisades, f’Los Angeles.
Sar magħruf, issa, li Perry, li kellu 54 sena, instab mill-assistent tiegħu li fil-lejl tas-Sibt kien qed jirritorna minn-‘qadja’ li kien għamel għall-attur u li ċempel mal-ewwel fuq in-numru ‘911’ għall-assistenza li kellha tasal tard wisq.
Matthew Perry, fl-aħħar snin, irrakkonta fid-dettall il-vizzji li kellu relatati max-xorb u d-droga u meta, fil-ktieb dwar il-ħajja tiegħu bl-isem Friends, Lovers and The Big Terrible Thing, kien żvela l-battalji kontinwi li hu kellu mal-vizzju, minbarra d-diversi problemi tas-saħħa li kien ibati bihom.
Sadanittant – u filwaqt li mhi teskludi xejn — il-pulizija li qed tinvestiga l-mewt ta’ Matthew Perry mhix tissuspetta f’xi aġir kriminali u meta skont l-aħħar rapporti ma nstabet l-ebda droga fir-residenza tal-attur.
//= $special ?>