Futbol Sport

Penalty fl-aħħar sekondi jagħti rebħa lil Lazio

(Ritratt: EPA)

Lazio kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Fiorentina b’gowl skrojat minn penalty fl-aħħar sekondi. Fiorentina kellhom gowl ta’ Lucas Beltran imħassar permezz tal-VAR wara 13-il minuta. Fl-aħħar azzjoni tal-partita, Nikola Milenkovic deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jordna penalty. Minn ħdax-il metru, Ciro Immobile ma żbaljax għal skor finali ta’ 1-0.

Bi Scamacca protagonista b’żewġ gowls u assist ebda problema għal Atalanta li għeblu lil Empoli bl-iskor ta’ 3-0. Wara 5 minuti Atalanta fetħu l-iskor permezz ta’ Gianluca Scamacca li minn azzjoni ta’ Ademola Lookman għeleb lil Etrit Berisha. Ebda reazzjoni minn Empoli b’Atalanta approfittaw biex irduppaw fid-29 minuta. Minn azzjoni ta’ Scamacca kien Teun Koopmeiners li għeleb mill-ġdid lil Berisha. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess l-aktar wara li fil-51 minuta kien mill-ġdid Gianluca Scamacca li minn pass ta’ Marten de Roon għalaq il-partita 3–0 .