Mara li llum għandha ta’ 31 sena u li ta’ 11-il sena bdiet tieħu d-droga u li ta’ 13-il sena kienet esposta fil-prostituzzjoni kellha s-sentenza tagħha ta’ disa’ xhur ħabs ikkonfermati mill-Qorti tal-Appell wara li nstabet ħatja li tlajjat fit-toroq ta’ Ta’Xbiex u l-Gżira għal skopijiet ta’ prostutuzzjoni,
Sarah Zammit, li hija omm kienet ammettiet akkużi ta’ tlajjar fl-2016 ngħatat piena karċerarja. Il-Qorti kienet irrakomandat lid-Direttur tal-Ħabs sabiex tingħata l-għajnuna kollha inkluż li ssegwi programm ta’ rijabilitazzjoni.
Żammit appellat mis-sentenza u talbet biex tibdel is-sentenza għal waħda aktar proporzjonata. Minkejja li kkonfermat l-ammissjoni tagħha, qalet li l-Ewwel Qorti ma qisitx il-kambjament li kienet qed tagħmel f’ħajjitha. Zammit sostniet li l-piena ta’ ħabs se taħdem kontra r-riforma tagħha.
Zammit qalet li ma kellhiex tfulija faċli u l-fatt li diġà kienet esposta biex taħdem fil-prostituzzjoni mill-ġenituri tagħha, ma tafx ħajja differenti minn din. Qalet li qed taċċetta li mhux kulħadd qed hemm biex jisfruttaha u li hemm nies li jridulha l-ġid.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, innotat kif Zammit għandha tifla u qalet li tixtieq tibdel ħajjitha biex tagħtiha futur aħjar minn tagħha. Zammit qalet ukoll li tammetti li ngħatat diversi opportunitajiet mill-Qrati biex taqbad it-triq it-tajba u tirranġa ħajjitha u li ma ħadithomx bis-serjetà.
Madankollu issa qed tieħu interess fil-kambjament ta’ ħajjitha u bl-għajnuna tal-Caritas qed tagħti r-riżultati. Qalet li għadha ma ġietx rijabilitata mill-vizzji tagħha minħabba t-trawmi li għaddiet minnhom u li r-rijabilitazzjoni tagħha jeħtieġ tkun fit-tul.
Il-Qorti tal-Appell innotat li kienet hi li ammettiet u li l-Ewwel Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni l-opportunitajiet li ngħatat iżda ma servewx ta’ deterent u għalhekk kienet ingħatat sentenza ta’ ħabs. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-ewwel sentenza kienet waħda legali u valida u li ma teżisti l-ebda raġuni li tista’ twassaha biex tibdel is-sentenza.
Il-Qorti tal-Appell qalet li se tieħu ħsieb tiżen kemm l-interess tas-soċjeta’ kif ukoll l-possibbilità li hi tiġi rintegrata fis-soċjeta’. Ma għandhiex tintnesa l-fedina penali refrattarja tagħhau n-natura tal-akkużi li hija nstabet ħatja tagħhom. Filwaqt li kkonfermat is-sentenza, l-Qorti rrakomandat lid-Direttur tal-ħabs sabiex tingħata l-għajnuna meħtieġa.
//= $special ?>