“Dan kien Budget bla ebda direzzjoni, bla ebda soluzzjoni u bla ebda viżjoni.”
Kien dan li ntqal mid-Deputati Nazzjonalista, Jerome Caruana Cilia, Ivan J. Bartolo, Ivan Castillo waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista l-għada tad-diskors tal-Budget.
Id-Deputat Jerome Caruana Cilia qal kif quddiem l-isfidi kbar li qed jgħaddi minnhom il-poplu Malti u Għawdxi, il-Gvern Laburista naqas li jindirizzahom tant li nesa kompletament sfidi bħall-għoli tal-ħajja, l-iskart, l-over population, dawk fil-qasam tas-saħħa, u anke naqas milli jassigurra li ma narawx iktar korruzzjoni.
“Mhux talli m’għandux direzzjoni, talli qed ikompli jgħaffeġ fuq il-poplu Malti,” qal Caruana Cilia. “Gvern Laburista b’nuqqas ta’ ippjanar, b’Budget bla soluzzjonijiet, u b’Budget ta’ Gvern illi għejja.”
Minn naħa tiegħu, Ivan J. Bartolo qal li l-Gvern Laburista, waqt li kien qed iħejji għall-Budget, minflok ħares lejn il-pajjiż b’lenti matura għażel li iħares lejn il-pajjiż b’mod partiġġjan. Saret rimarka għall-fatt li l-Gvern, sena wara l-oħra qed iżid fuq il-biljuni ta’ dejn li diġa’ ġab fuq il-pajjiż, bid-dejn mistenni li jitla’ sa 13-il biljun ewro sal-2026.
“Kulħadd huwa konvint li hemm bżonn mudell ekonomiku ġdid u għalhekk il-PN ilu jitkellem dwar dan, b’diversi proposti,” qal Bartolo. “Dan il-Budget kien biss eżerċizzju finanzjarju u mhux pjan finanzjarju.”
Fid-diskors tiegħu, Ivan Castillo qal li permezz ta’ dan il-Budget, il-Gvern Laburista nesa lill-anzjani, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema u lil min iħaddem. Qal kif hemm bżonn li l-Gvern ta’ Abela jibda jisma’ u jaġixxi skont il-polz tal-Maltin u l-Għawdxin, skont dak li l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jappella.
“Aħna ġejna hawnhekk biex inwasslu l-viżjoni tagħna b’soluzzjonijiet, lesti nindirizzaw dawn l-isfidi biex nagħtu dak li għandu bżonn pajjiżna,” qal Castillo.
Wara d-diskors tal-Budget 2024, ħafna għaqdiet, unions u Korpi Kostitwiti ħarġu jikkritikaw il-miżuri li ħarġu minnu, miżuri li insew diversi setturi, b’oħrajn jiġu rriċiklati sena wara sena. Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li la darba jkun fil-Gvern, jassigura li jgħin liż-żgħir filwaqt li jbiddel il-mudell ekonomiku sabiex kull individwu jgawdi quddiem kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>