Ekonomija Ewropa Lokali

EUROSTAT: Konferma li l-inflazzjoni f’Malta hi ogħla mill-medja taz-Zona Ewro

Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika jikkonfermaw li għal xahar ieħor, l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet ogħla mill-medja taz-Zona Ewro. Fi kliem sempliċi, l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet f’malta huma ferm aktar għoljin mill-bqija tal-pajjiżi Ewropej.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li f’pajjiżna, l-għoli tal-ħajja għal Ottubru kienet fil-livell ta’ 4.3 fil-mija. Dan meta l-medja taz-Zona Ewro hi 2.9 fil-mija.

Pajjiżi bħall-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Latvija u l-Litwanja għandhom piż tal-għoli tal-ħajja li huwa ferm inqas minn dak li qed iġorru l-familji Maltin u Għawdxin. Dan meta fil-maġġoranza ta’ dawn il-pajjiżi qed jesperjenzaw id-daqqa tal-impatt mill-prezzijiet tal-enerġija – u allura, suppost, ir-rata tal-inflazzjoni tkun ferm ogħla minn Malta.

Konferma oħra tal-falliment tal-Gvern huma ċ-ċifri li jirrigwardjaw il-Belġju u l-Olanda, fejn f’dawn il-pajjiżi kien hemm saħansitra roħs fil-prezzijiet – riżultat tal-istrateġiji eċċellenti li addottaw il-gvernijiet rispettivi.