Albert Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg kkritika lill-gvern għall-fatt li mżaċċettax proposti tal-PN għal pjan għall-caravans u l-campers.
Fil-parlament Albert Buttigieg qal li l-gvern qed idaħħal il-liġijiet imbagħad jibda jara kif se jirranġa s-sitwazzjonijiet kif ġara fl-iscooters u fil-kostruzzjoni.
Suppost li l-awtoritajiet jippjanaw qabel jimplimentaw id-deċiżjonijiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern l-ewwel ħareġ il-permessi biex jinġiebu l-caravans u ma ttieħdux passi dwar il-caravans meta ttieħdet art pubblika biex issa l-gvern irid jara kif isib soluzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li għalhekk l-Opppożizzjoni taqbel mal-avviż legali iżda qed tipproponi emendi għaliex il-gvern qed ikun biss reattiv. Aktar u aktar meta l-gvern Laburista ilu 10 snin fil-gvern iżda m’għamel xejn għal 10 snin.
Albert Buttigieg sostna li f’Mejju qabel l-avviż legali, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar kien qal li kien ilu erba’ snin jipproponu by-law dwar il-caravans iżda l-gvern irrifjuta tant li l-Kunsill Lokali kellu joħroġ stqarrija. Hu qal li l-gvern kien wieġeb biss li kien qed jistudja iżda ma tax proposti
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN qed jappella biex il-gvern jkkunsidra li jsir pjan iktar ħolistiku għall-caravans u l-campers fosthom dwar iż-żoni fejn jitpoġġew il-caravans u l-campers, dwr x’tipi ta’ caravans u campers jistgħu jintużaw, dwar is-sigurtà, dwar il-perjodu meta jitpoġġew, dwar il-ħtieġa ta’ infrastruttura ta’ faċilitajiet u dwar il-ġbir tal-iskart.
Minkejja dawn il-proposti mressqa mill-Oppożizzjoni, il-gvern ħareġ jattakka, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li wħud mis-sidien tal-caravans ma jibqgħux l-aktar għadu tagħhom stess minħabba mġieba li għamlet il-ħsara.
Albert Buttigieg kompla li għandu jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet tas-sidien tal-caravans u s-soċjetà. Is-sidien tal-caravans m’għandhom l-ebda dritt li jpoġġu l-caravans fejn iridu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li mhux aċettabbli li xi sidien tal-caravans ma jħallux lill-pubbliku jgħum f’ċertu żoni fejn huma jkunu poġġew il-caravans.
Dwar l-istorbju minn ċertu attivitajiet, Albert Buttigieg qal li l-attivitajiet għandhom isiru b’rispett lejn il-pubbliku. Hu semma’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn qed isiru attivitajiet mingħajr permess tal-pulizija li joħolqu storbju u jdumu sa kmieni filgħodu. Dan ma jgħoddx biss għas-sidien tal-caravans iżda għal attivitajiet oħra, sostna d-deputat Nazzjonalista.