Il-Qaddejja Taċ-Ċenaklu huma r-rebbieħa ta’ din is-sena tal-premju Nazzareno Vassallo 2023. Iċ-ċerimonja ġiet organizzata fil-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, George Vella.
Dan il-premju li tnieda 25 sena ilu, u li jiġi organizzat minn Vassallo Group u CareMalta Group, li din is-sena qed jiċċelebra t-30 anniversarju, għandu l-iskop li jirrikonoxxi individwi li jaħdmu bi sħiħ u b’dedikazzjoni kbira u li jħalli impatt pożittiv fil-ħajja tal-anzjani. Dan ir-rikonoxximent iwassal għal aktar għarfien dwar il-ħidma li ssir fost l-anzjani, biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Ir-rebbieħa ta’ din is-sena, Il-Qaddejja taċ-Ċenaklu, jafu l-bidu tagħhom 59 sena ilu. Huma għaqda ta’ disa’ nisa kkonsagrati, li jagħtu ħajjithom lil Alla fit-talb u l-għajnuna lis-saċerdoti anzjani. Ibbażati fid-Dar tal-Kleru, f’Birkirkara, il-Qaddejja taċ-Ċenaklu jieħdu ħsieb 45 resident. Huma jaħdmu sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ qassisin irtirati u li għandhom bżonn kura medika.
Din is-sena l-bord tal-għażla kien imexxi mill-eks Prim Ministru, Lawrence Gonzi, u kien jinkludi ukoll lil Rosette Bonello, Holger Suarez, Alexander Schembri kif ukoll Keith Demicoli.
Fir-rapport li tħejja minn Lawrence Gonzi ingħad li meta ġiet ikkunsidrata n-nominazzjoni tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, il-bord tal-għażla nnota l-fatt li din il-ħidma ilha ssir snin twal, ħafna drabi fis-skiet u mingħajr pubbliċità.
Riflessjoni oħra li ssemmiet mill-bord tal-għażla kienet li xtaqu li l-għoti ta’ dan il-premju lill-Qaddejja taċ-Ċenaklu jservi bħala messaġġ ta’ apprezzament għall-ħidma sfiqa li twettqet mis-saċerdoti u mexxejja spiritwali matul ħajjithom kollha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Indirizzaw iċ-ċerimonja ċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta Group, James Sciriha. Fost dawk li attendew iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo.
Il-persuni jew għaqdiet oħra li ġew nominati din is-sena kienu Adrian Casha, il-Kummissjoni Djakonija Ħad-Dingli, Fr Marcellino Micallef, John B. Pace, il-Palliative Care Team, Bernardette Psaila, il-Kumitat tal-Grupp RO-SE, u Stanley Pace.
//= $special ?>