L-Istati Uniti ċaħdet l-akkużi tar-Russja fis-sens li l-Ukrajna u l-Punent organizzaw irvell kontra l-Lhud u Iżrael f’Dagestan. Dan wara li mijiet ta’ Musulmani invadew il-mitjar tal-ajruport ta’ Makhachkala ffejn heddew u minaċċjaw lill-passiġġieri li kienu waslu hemm b’titjira minn Tel Aviv.
L-inċident kien relatat mal-gwerra li għaddejja fil-Lvant Nofsani u l-President Russu Vladimir Putin qal, wara, li l-iżviluppi xokkanti kienu parti minn ‘attentat għall-firxa tal-kaos fir-Russja’.
Hu anki waħħal ‘fis-servizzi sigrieti tal-Punent li qed jaqdu l-aġenda tal-Istati Uniti biex tiżra l-istabbilità’.
Ħafna fost il-folol li daħlu fil-mitjar kienu qed ixejjru l-bnadar tal-Palestinjani fost l-għajjat ta’ slogans anti-semitiċi. Numru ta’ passiġġieri qalu li d-dimostranti kienu qed ‘ifittxu speċifikament għal-Lhud’ u li l-passiġġieri kollha kienu mwerwrin għal ħajjithom.
Il-qawwiet tas-sigurtà f’Dagestan, maż-żmien, ikkontrollaw is-sitwazzjoni u fejn saru wkoll l-għexieren tal-arresti.
Id-Dagestan hi repubblika kostitwenti tar-Russja u l-maġġoranza tal-poplu huma Musulmani.
//= $special ?>