Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, mill-ġdid għamilha ċara li pajjiżu mgħandux jieqaf mill-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas f’Gaza sakemm jelimina t-theddida għall-ħajja tal-Iżraeljani – speċjalment iċ-ċivili li qegħdin jgħixu viċin il-fruntiera u li jinsabu kontinwament taħt ‘id-dell tal-mewt’.
‘M’aħna se naċċettaw l-ebda ftehim biex nirtiraw minn Gaza għaliex issa wasal iż-żmien għall-gwerra’, enfasizza Netanyahu . Dan waqt li l-militar Iżraeljan li qed jinfiltra l-artijiet ta’ Gaza jinsab għaddej bil-battalji ħorox mal-bejtiet tat-terroristi qalb diversi zoni.
Il-messaġġ kontinwu mill-Armata Iżraeljana hu li qed jintlaħqu l-miri militari u li numru ta’ terroristi markati għall-mewt kienu eliminati f’perjodu ta’ 48 siegħa. L-aħħar bullettini qalu li s-suldati qerdu z-zoni fejn tal-Ħamas kienu qed jisparaw il-missili lejn it-truppi u t-tankijiet tal-Armata u meta fil-ġlied inqerdu anki l-postijiet strateġiċi li l-Ħamas kienu qed jużaw għall-osservazzjoni.
Filwaqt li l-ġlied f’Gaza qed jintensifika, xi osservaturi qed jgħidu li din il-fażi tal-gwerra mhix, fil-fatt, l-‘offensiva kbira u finali’ li Iżrael qed iħejji kontra l-Ħamas. Dan ukoll meta għad hemm l-għexieren tal-eluf tas-suldati u riservisti mal-Armata fuq ‘standby’ waqt li qed jistennew id-direttiva biex ‘jidħlu f’Gaza’.
Matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta kienu sparati aktar burraxki ta’ missili lejn Gaza u li fihom intlaqtu l-mijiet tal-miri – fosthom faċilitajiet u infrastruttura li tal-Ħamas kienu qed jużaw għall-operat terroristiku. Il-qawwiet Iżraeljani qed jikkonċentraw l-aktar fuq it-Tramuntana ta’ Gaza iżda għamluha ċara wkoll li lesti biex jolqtu kwalunkwe zona biex jeliminaw aktar terroristi.
Min-naħa tagħhom, it-terroristi tal-Ħamas qed jikkonfrontaw lill-militar Iżraeljan bil-machine-guns u l-missili għal kontra t-tankijiet u fejn qed jaddottaw ukoll l-istrateġiji ta’ ‘gwerrilliera’. Is-sorsi indipendenti, għalissa, ma jistgħux jipprovdu ċ-ċifri preċiżi tal-maqtula fuq kull naħa.
U waqt li Iżrael jinsisti li qiegħed ‘jeqred lill-Ħamas pass wara pass’, il-messaġġi mill-Ħamas u l-grupp Ġiħad Iżlamiku tal-militanti Palestinjani qalu li fl-aħħar sigħat irnexxielhom joqtlu talanqas suldat Iżraeljan minbarra li qerdu xi vetturi tal-Iżraeljani li kienu qed javvanzaw aktar ‘il ġewwa fil-majjistral ta’ Gaza.
It-terroristi wasslu anki l-messaġġi – mhumiex ikkonfermati – li tank tal-gwerra tal-Iżraeljani ħa n-nar wara li ntlaqat minn missila qrib id-distrett ta’ Zeitoun u bit-terroristi jattakkaw lill-platoons tas-suldati li daħlu fil-bini tal-inħawi.
Il-konflitt, sadanittant, qed ikompli jinfirex madwar Gaza, bil-brigati ta’ Al Quds, il-fergħa armata tal-Ġiħad Iżlamiku alleat mal-Ħamas, ukoll jinsistu li wettqu l-attakki fuq it-truppi u l-vetturi tal-militar Iżraeljan viċin ta’ Erez u Al-Atatra.
L-Iżraeljani ilhom jibbumbardja l-artijiet ta’ Gaza mindu t-terroristi tal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, qasmu għal Iżrael u massakraw ‘il fuq minn 1,400 – irġiel, nisa u tfal – fl-agħar attakk kollettiv li qatt seħħ fuq il-poplu ċivili. Dan waqt li tal-Ħamas ħatfu mal-240 ostaġġi li kaxkruhom magħhom lejn Gaza u li qed jużawhom bħala ‘tarki umani’ jew għal ‘negozjati futuri’.
//= $special ?>