Lokali

“Kważi nofs tal-ħaddiema huma minn pajjiżi terzi” – Forum dwar l-isfidi b’rabta mal-ħaddiema barranin f’Malta

Fl-aħħar tlett snin l-ammont ta’ barranin f’pajjiżna żdied bi ftit inqas minn 19% – kważi nofshom huma minn pajjiżi terzi. Dan filwaqt li aktar minn nofs il-ħaddiema fis-settur privat f’pajjiżna m’humiex Maltin.

Dan tħabbar waqt forum li sar mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fejn intqal dwar il-bżonn li pajjiżna jindirizza numru ta’ sfidi li kull post tax-xogħol jaffaċja meta jkun hemm ħaddiema barranin, b’appelli għal iktar prattiċi ġusti u inklussivi sabiex is-settur tal-loġistika f’Malta jista’ jikber u jissaħħaħ.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia rrimarka kif minkejja l-ammont ħaddiema barranin dejjem qiegħed jiżdied, bosta minnhom jitilqu minn pajjiżna wara’ ftit xhur.

Huwa appella biex nevalwaw l-effetti ta’ dan kollu u nindirizzawhom biex niżguraw li l-ħaddiema ma jitilqux.

Kumpanija minn kull erbgħa rrappurtat li aktar minn 50% tal-ħaddiema mhumiex Maltin

Stħarriġ tal-MEA

Il-President tal-MEA Joanne Bondin tkellmet dwar kif il-ħaddiema barranin saru indispensabbli biex ikun sostnut it-tkabbir ekonomiku. Fis-settur privat b’mod ġenerali, is-sehem ta’ ħaddiema barranin huwa ogħla, bi stħarriġ riċenti tal-MEA isib li kumpanija minn kull erba’ rrappurtat li aktar minn 50% tal-ħaddiema mhumiex Maltin.

Il-konferenza ġabret flimkien esperti mill-industrija u istituzzjonijiet minn organizzazzjonijiet differenti li b’xi mod jirrelataw mar-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin, it-taħriġ, ħiliet, ostakli ta’ lingwa u kultura, id-diġitalizzazzjoni u ż-żamma tal-ħaddiema.