Lokali Qorti

Niġerjana tgħid kif ħuha salvalha ħajjitha meta ġiet aggredita b’imqass tal-ħadid mir-raġel mixli li qatel koppja fil-Marsa

Niġerjana li qalet li ilha tgħix fil-Marsa ftit il-bogħod minn fejn koppja Maltija spiċċat maqtula b’daqqiet ta’ ħadida qalet lill-Qorti li kien ħuha li prattikament salvalha ħajjitha meta ġiet aggredita b’imqass tal-ħadid, li allegatament ġie użat fil-qtil ta’ Joseph Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena, liema omiċidji seħħew filgħodu fil-ġurnata tal-Ħadd, 15 ta’ Ottubru fil-Marsa.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Queen OG Bayamma hekk kif quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Iddrisu Fajsal ta’ 34 sena residenti l-Marsa li jinsab mixli li ħebb u qatel żewġ persuni f’argument f’razzett fil-Marsa, f’dak li qed jiġi deskritt bħala qtil makabru.

Fost akkużi oħra r-raġel mill-Ghana qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ OG Bayamma u li fera ħafif lil ħuha. Il-mara mbikkma l-Qorti spjegat kif hi kienet għall-affari tagħha waqt li ħuha kien rieqed ħdejha, wara li mar jara.

Qalet li kienet qed tlesti biex taħsel snina u f’daqqa waħda tfaċċa l-akkużat b’ħadida forma ta’ mqass u beda jsawwatha biha. Spjegat lill-Qorti li hu ta fuq rasha, wiċċha u taħt għajnejha u jdejha u spiċċat biex waqgħet ma’ l-art. Sostniet li ma kienx għal ħuha li mar għal fuqu biex jipprova jeħodlu l-imqass, ma tafx x’kien isir minnha.

“Kont fil-kamra għall-affari tiegħi u rajtu ma’ wiċċi, dak li qed nara hemm fl-iżbarra li qatel lil sid il-kera tiegħi. Ħija għamel min kollox bil-Pulizija jeħduni l-isptar għall-kura ftit wara. Ħija rnexxielu joħroġ lill-akkużat il-barra mill-kamra tiegħi, wara li qabad u daħal għandi hekk kif jien ftaħt il-bieb,” qalet ix-xhud b’ċerta tensjoni lill-Qorti.

Qabilha xehed ħuha, Ifayeni Ezeh li qal li kien rieqed fil-kamra fejn tgħix oħtu u sema’ ħafna storbju u l-leħen ta’ Bayamma. Qal li kien hemm id-dlam dak il-ħin fil-kamra u mar biex jgħinha u spiċċa f’taqbida ma’ Fajsal.

Tenna li f’daqqa waħda kien ra tliet Pulizija li bdew jgħidulhom biex jiefqu milli jiġġieldu, iżda l-akkużat ma riedx jieqaf u meta staqsih għalfejn ried joqtol lil oħtu, l-akkużat ma weġbux.

Mistoqsi għaliex ħaseb li Fajsal ried joqtol lil oħtu, ix-xhud qal li għax laqatha diversi drabi fuq rasha. Saħaq li dan kollu ġara l-Marsa, fl-inħawi tal-persuni maqtula. “Jien ma noqgħodx hemm imma nzertajt hemm, jien noqgħod Ħaż-Żabbar imma mort bħas-soltu nara lil oħti,”: qal ix-xhud.

Kompla li lill-akkużat ma kienx jafu u ltaqa’ miegħu dak inhar, għakemm jidhirlu li rah xi darba oħra fil-post. Ezeh qal li fit-taqbida mal-akkużat hu rnexxielu jwaddad l-imqass lejn in-naħa tal-Pulizija sakemm dawn ħaduh.

Xehdu wkoll tliet Kuntistabbli li jaħdmu fis-sessjoni tal-kavallerija u li kienu qed jippreparaw xi żwiemel għax kellhom attività dak inhar. George Attard, Stephen Bonello u Michele Farrugia qalu li kien hemm persuna li ġibditilhom l-attenzjoni li kien kemm żewġ persuni mqabbdin f’xulxin.

Qalu li telgħu fuq il-bejn tal-kwartieri tagħhom biex jaraw x’kien qed jiġri u minkejja li kien hemm id-distanza, raw żewġ irġiel jiġġieldu u huma ġibdulhom l-attenzjoni fejn qalulhom biex jiefqu, fejn dawn deheru li kienu ndunaw.

Tenneew li dan kollu seħħ il-Marsa biswit Triq Diċembru 13. Qalu li innutaw żewġ persunu jiġġieldu fuq xi ħaġa, imma f’dik id-distanza il-persun ma setgħux jintgħarfu, u li kien żgur li t-tnejn kienu ta’ karnaġġon skur.

Qalu li huma qabdu mill-ewwel il-Land Rover fejn neħħew il-karru li kellu miegħu u f’temp ta’ sitt minuti waslu ħdejn il-persuni li kienu qegħdin jiġġieldu. Is-Surġent tagħhom baqa’ fil-post fejn minn fuq il-mobile beda jiggwidhom għal fejn riedu jmorru.

Qalu li kif waslu ċċirkondaw lill-irġiel imma riedu joqgħodu attenti minħabba li huma ma kienu armati. Wieħed mill-Pulizija qal lil sħabu, “oqgħodu attenti għax l-imqass (li kien ta’ daqs ta’ kważi metru), kien mimli bid-demm.” Ix-xhieda qalu li huwa sa dak il-ħin ma kienux jafu b’dak li diġa kien seħħ.

Tennew li huma kienu pajżana u ftit wara li waslu s-sitwazzjoni kienet ftit stabbli, anke jekk  mhux taħt kontroll. Qalu li f’ħin minnhom raw żewġ nisa fil-qril li deheru kommossi u li dawn kienu jiġu mill-vittma Joseph Bartolo. Wieħed mit-tliet Pulizija mar ikellimhom u skopra x’kien ġara qabel u nforma lin-nisa biex ma jersqux lejn ix-xena tad-delitt għax din tkun trid tiġi preservata.

Il-kuntistabbli qalu li ir-raġel il-qsajjar irnexxielu jirkupra l-imqass u li waddbu fid-direzzjoni tal-Pulizija u li wieħed minnhom tefgħu fil-Land Rover. Wara l-akkużat ipprova jaħrab iżda waslet ukoll l-għajnuna mill-Pulizija tad-Distrett u l-Pulizija tal-RIU.

L-akkużat beda jitbiegħed minnhom u ma riedx iċedi u saħansitra f’ħin minnhom resaq lejhom iżda wara qabel xatba li kien hemm li kienet magħluqa b’żewġ katnazzi. Wieħed mill-katnazzi ġie sgassat u bl-għajnuna ta’ Pulizija oħra, rnexxielhom jiftħu x-xatba, sakemm l-akkużat inqabad minkejja li mar jiġri wara container.

Qalu li ma kellu minn fejn jaħrab u wara spiċċa arrestat. Il-Pulizja qalu li n-Niġerjan, ħu l-mara li ġiet aggredita beda jikkopera magħhom u li kien hu li rnexxielu jwaqqa’ l-arma li kienet f’idejn l-akkużat. Qalu wkoll li biex jiġi arrestat kellu jintuża t-taser fil-konfront tal-akkużat.

Hekk kif intemmet ix-xhieda il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tgħaddi għall-prima facie għax ix-xhieda tat-Tnejn u tat-Tlieta diġa tawn indikazzjoni valida li hemm biżżejjed provi biex Iddrisu Fajsal jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Minn naħa tagħha d-difiża mmexxija mill-Avukat Joe Brincat qalet li kienet qed tikkontensta dan il-fatt għax ċertu fatti għadhom ma ġewx ippruvati fosthom fuq il-qtil taż-żewġ vittmi fejn qal li sa issa ma ħareġ xejn fil-Qorti li jista’ jagħti direzzjoni,

Dr. Brincat qal ukoll li anke meta wieħed josserva dwar dak li xehedet in-Niġerjana, allegata vittma ta’ feriti gravi, ma ġew ippreżentati l-ebda ċertifiklati li juru dan. Qal li ċertifikat irid mhux biss irid ikun konfermat, iżda ġuramentat. Għal daqstant ma kien hemm l-ebda prova li tindika lill-imputat dwar dan kollu kompliet tgħid id-difiża. Kompla l-aqwa provi għandhom ma nġabux f’dan l-istadju.

Il-prosekuzzjoni qalet li dan huwa l-unika stadju fejn il-bias imur favur il-prosekuzzjoni u l-Qorti hawn biss se tiddeċiedi li hemm raġunijiet biżżejjed biex jitpoġġa taħt att ta’ akkuża u xejn iżjed.

“Il-provi li nġabu huma diversi li jwasslu sa dan il-grad. Il-vittma Niġerjana qalet li għarfet lill-imputat li kellu “bold cutter” (imqass) u li beda jsawwartha bih, li ssawwtet, li ħuha baqa’  baqa’ jiġri warajh waqt li l-akkużat beda jiġri warajha biex ikompli jsawwatha.

Il-Pulizija tal-kavallerija rawh ukoll u li marru tal-RIU u l-Pulizija tad-Distrett u li ssieltu għal arma, ingħad ukoll li kien hemm id-demm fuqha. Hawn l-Avukat Jason Azzopardi l-avukat tal;-familja tal-vittmi qal li f’dan l-istadju għandna raġunijiet u mhux provi, anke jekk hemm dubju se jmur favur l-akkużat.

Bħal ma għamel l-Avukat Joe Brincat, l-Avukat Azzopardi ikkwota  oħra fuq każijiet simili jew kważi simili. L-Avukat Franco Debono, li wkoll qed jidher bħala parte civile fil-każ qal li dan huwa l-istadju tal-għarbiel.

Saħaq li dan mhux każ fejn hemm borderline, anzi hawn abbundanza kbira ta’ provi biex l-akkużat jitqiegġed taħt att akkuża. Sadanittant l-Avukat Brincat wkoll għamel rikors fuq il-ħatra ta’ esperti biex ikun ċert li sar kollox kif suppost.

Il-Qorti qalet li se tħalli d-deċiżjonijiet dwar il-prima facie u r-rikors fuq l-ħatra ta’ esperti għat-13 ta’ Novembru 9.15pm. Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace.

L-Avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden rrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala prosekuturi filwaqt li l-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri li kienu l-investigaturi ewlenin fil-każ rrappreżentaw lill-Korp tal-Pulizija u li wkoll kienu jagħmlu parti mill-prosekuzzjoni. L-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Franco Debono qed jidhru bħala parte civile fil-każ.