Budget 2024 Lokali

Schembri jinsisti li “Dan il-mudell ekonomiku jaħdem”

Il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna ħadem u jaħdem.

Sostna dan il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schmebri, fl-għodwa ta’ wara d-diskors tal-Budget, bir-reazzjoni tal-maġġoranza tal-imsieħba soċjali tkun waħda unanima – Budget li naqas milli joffri viżjoni fit-tul.

Minkejja li fl-aħħar xhur il-unions, assoċjazzjonijiet, NGOs, u diversi esperti appellaw lill-Gvern sabiex ibiddel il-mudell ekonomiku…il-Gvern ta’ Abela deċiż li jibqa’ sejjer f’din id-direzzjoni li ġabet magħha splużjoni fil-popolazzjoni, u pressjoni enormi fuq l-infrastruttura.

B’reazzjoni għad-diskors tal-Budget il-Kamra tal-Kummerċ fost l-oħrajn spjegat li dan il-budget mhux qiegħed jindirizza l-problemi attwali tal-pajjiż kkawżati miż-żieda qawwija fil-popolazzjoni li ġab miegħu dan il-mudell ekonomiku…mingħajr viżjoni fuq il-konġestjoni tat-traffiku, u l-immaniġġjar tal-iskart fost affarijiet oħrajn. Madanakollu Silvio Schembri qed jinsisti li l-Labour qatt ma tkellem fuq bidla fil-mudell ekonomiku.

Il-verità hi li lura f’Ġunju ta’ din is-sena kien il-Ministru tal-Finanzi nnifsu Clyde Caruana illi insista li hemm bżonn bidla radikali fil-mudell ekonomiku – l-istess Caruana li kien wieħed mill-uċuħ ewlenin tal-mudell ekonomiku, ibbażat fuq il-kwantità.

Minn naħa tagħha, il-UĦM Voice of The Workers iddeskriviet dan il-budget bħala wieħed ta’ ingann. Dan għaliex minkejja l-appelli kollha li saru fl-aħħar ġimgħat….Abela ddeċieda li xorta waħda jintaxxa l-għajnuna tal-COLA.

Madanakollu mistoqsi minn Net News, Schembri insista li ma jaqbilx ma dak li qalu l-unions.

U meta affaċċjat bil-baraxx ta’ kritika li ħarġet wara l-Budget, il-Minsitru Silvio Schembri implika li l-unions forsi ma fehmux id-dettalji li hemm fil-Budget…. u li ma nqrawx.

Intant, il-Budget stess wera iswed fuq l-abjad il-fatt li ftit inqas minn mitt elf familja f’pajjiżna ġew bżonn l-għajnuna addizzjonali, frott ta’ mudell ekonomiku bbażat fuq ħaddiema b’pagi baxxi.