Mara ta’ 46 sena ġiet ikkundannata 11-il sena ħabs wara li ammettiet flok għaddiet ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li sentejn ilu inqabdet fil-pusses ta’ aktar minn żewġ kilos kokaina fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hija ġiet immultata wkoll €25,000.
Anuschka Arlette Halman, mill-Caracao detentriċi ta’ passaport Olandiż, kienet ittieħdet taħt kustodja tal-pulizija wara li nstabet ammont droga fuq il-persuna tagħha waqt tfittxijiet li saru minn membri tal-Iskwadra tad-Droga flimkien ma’ uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport fit-22 ta’ Novembru tal-2021.
Żewġ pakketti kokaina kienu nstabu marbuta ma’ żaqqha wara li kienet għadha kif waslet Malta fuq titjira tar-Ryanair minn Brussell f’12.30am. Is-suspettat ammettiet konfoffa għat-traffikar tad-droga, importazzjoni kif ukoll pussess aggravat ta’ kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx maħsuba għall-użu personali.
Il-Qorti ħadet nota tat-talba tad-difiża għall-ħatra ta’ uffiċjal tal-probation biex twettaq rapport ta’ qabel is-sentenza kif ukoll tal-fatt li ma kienx hemm oġġezzjoni dwar dan minn naħa tal-Avukat Ġenerali. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tad-difiża biex jinstemgħu żewġ xhieda għad-difiża tagħha, rappreżentant tal-ħabs u l-Avukat Arthur Azzopardi.
Helenio Galea, rappreżentant tal- Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikkonferma li l-mara sarilha test ta’ 21 kampjun tal-awrina għall-preżenza ta’ drogi illeċiti u dawn kollha taw riżultat negattiv apparti erbgħa,
riżultati li rriżultaw pożittivi għal raġunijiet mediċi. Irriżulta wkoll li ma kellhiex rapporti fir-rigward għal imġieba ħażina fil-ħabs.
Trobbija diffiċli u spiċċat biex mardet
Il-Qorti semgħet lill-uffiċjal tal-probation Joanne Farrugia tixhed fejn hija ppreżentat ukoll rapport ta’ qabel is-sentenza. Minn dan ir-rapport jirriżulta li l-akkużata kellha trobbija diffiċli u kienet suġġetta għall-vjolenza domestika fid-dar.
Jirriżulta li kellha titlaq mill-iskola f’età żgħira fuq insistenza ta’ ommha. Wara s-separazzjoni minn ma’ ommha ma kellhiex stabbiltà u marret minn post għall-ieħor u ma tħallietx tkompli bl-istudji tagħha. Ta’ età żgħira hi ħarġet tqila, għandha tmint itfal b’kollox minn irġiel differenti, ħafna minn uliedha huma
adulti u jgħixu fl-Olanda bl-eċċezzjoni ta’ waħda li tgħix ma’ ommha f’Curacao, filwaqt li l-iżgħar tlieta jgħixu ma’ oħtha fl-Olanda.
Waqt li kienet taħt arrest mardet ħafna u kellha tqatta diversi jiem fl-Isptar Mater Dei. Testijiet mediċi
żvelaw li tbati minn Lupus, fost ħafna kundizzjonijiet mediċi oħra. Hi wkoll sofriet minn attakk tal-qalb ftit xhur ilu.
L-uffiċjal tal-probation temmet ir-rapport tagħha u ssuġġerixxit li l-Qorti għandha tmur lejn il-minimu fl-applikazzjoni tagħha tal-piena. Hi nformat lill-Qorti li l-akkużata tixtieq tiġi estradita lejn l-Olanda biex u l-piena karċerarja tagħmilha qrib il-familja tagħha.
Il-Qorti semgħet ukoll lit-tabib Christopher Cremona jixhed u li kkonferma li jaħdem full-time il-ħabs. Huwa qal li l-mara issofri minn fibromyalgia, ansjetà, attakki ta ‘paniku, anemija u pressjoni tad-demm għolja.
Mal-ammissjoni, ġiet ukoll iddijanjostikata li fis-6 ta’ Ottubru, 2023 kellha distakk tar-retina tal-għajn tal-lemin li wasslet biex titlef id-dawl. Fl-1 ta’ Novembru, 2022, fid-dawl tad-deterjorament ta’ saħħa tagħha kienet ġiet trasferita għad-dipartiment tal-emerġenza u ġiet djanjostikata b’Lupus u pulmonite.
Hija qattgħet 16 -il jum l-isptar taħt investigazzjoni. Fid-19 Mejju, 2023 hija sofriet attakk tal-qalb li kien jeħtieġ intervent. Hija kienet segwita minn kardjologi u attendiet kliniċi tal-insuffiċjenza tal-qalb. Illum, qalbha ma taħdimx tajjeb.
Fil-15 ta’ Ġunju, 2023 ġiet iddijanjostikata b’kundizzjoni infjammatorja taż-żewġ kliewi li wasslet għal insuffiċjenza tal-kliewi u tal-qalb. Il-Qorti semgħet liż-żewġ partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom. L-Avukat Ġenerali sostna li l-akkużata ammettiet l-akkużi kollha miġjubin kontriha.
Id-droga kellha valur ta’ aktar minn €130,000
Stqarr ukoll li rriżulta mir-rapport li sar ħareġ mill-espert Gilbert Mercieca li l-akkużata kienet instabet fil-pussess ta’ 2081.8grammi ta’ kokaina u levamisole b’valur stmat ta’ €133,235. Il-purità tad-droga kokaina
kien ta’ 44%.
L-AĠ qal li rrikonoxxa li l-akkużata wieġbet ħatja qabel ma nqrat l-Att tal-Akkuża, madankollu, iddikjara li dan ma jistax jitqies bħala ammissjoni bikrija peress li dan seħħ 17-il xahar wara li tressqet il-qorti. Huwa għamel ukoll referenza għall- fatt li din kienet it-tieni darba li ġiet Malta f’medda qasira ta’ tliet xhur.
Huwa stqarr li l-ammont ta’ drogi misjuba, li kien dak ta’ aktar minn żewġ kilos kien ammont serju u
kieku jintbagħtu fis-suq lokali kien jikkawża problemi serji. Il-Qorti iddikjarat fuq ammissjoni tagħha stess lil Halman ħatja tar-reati kollha u tikkundannaha għal terminu ta’ 11-il sena ħabs u għall-ħlas ta’ multa ta’ €25,000. Din il-multa għandha tinbidel f’terminu ieħor ta’ priġunerija ta’ 12 il-xahar skond il-liġi fin-nuqqas ta’ ħlas.