Skont il-Labour Force Survey f’Malta hawn 294,313 ħaddiema full time li għall-maġġoranza tagħhom, il-baġit li tħabbar ifisser biss li se jraqqu l-pannu bil-qargħa ħamra.
Min għandu salajru iktar mill-paga minima se jiżdied biss biż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se tkun intaxxata. Il-mekkaniżmu maqbul wassal għal rata ta’ EUR12.81 fil-ġimgħa.
Dan hu kumpens fuq kemm għoliet il-ħajja din is-sena. Il-Ministru tal-Finanzi mkien il-baġit ma serraħ ras il-ħaddiema u l-familji li b’xi mod se jrażżan l-ogħli tal-ħajja fit-tnax -il xahar li ġejjin. Qal biss li se jżid id-dejn tal-pajjiż b’elf miljun ewro oħra u se jnaqqas id-deficit billi jonfoq inqas fi proġetti kapitali u jdaħħal iktar flus mill-VAT, għax dejjem jogħlew il-prezzijiet u anke mit-taxxa tad-dħul għax se jkompli jimporta iktar ħaddiema barranin.
Min jaħdem mas-servizz u s-settur pubbliku, il-Gvern mhux se jżid il-pagi b’mod relattiv issa li żdidiet il-paga minima. Għalhekk il-ħaddiema kollha sa skala 11 mas-settur pubbliku se jiżdiedu biss bil-COLA. Dan ifisser li dawn il-ħaddiema, għar-responsabilita’ tagħhom fix-xogħol se jkunu żdiedu inqas minn kemm żdiedu dawk bil-paga minima. Apparti hekk min għandu ftehim kollettiv li l-increment kull sena jiżdied sakemm jilħaq l-ogħla faxxa tal-grad, mhu se jkun qed jieħu xejn iktar ħlief sal-massimu tal-ogħli tal-ħajja għax din f’sena hi ogħla mill-increment. Dan juri li l-ħaddiema ma tantx se jżidu t-take home pay meta kulħadd mifni b’għoli tal-ħajja.
L-SĦPN tilqa’ l-inċentivi u ż-żieda għal min ikollu l-ulied. SĦPN iżda tħeġġeġ biex il-Gvern jieħu bis-serjeta’ għala l-koppji żgħażagħ tal-lum mhux ikollhom tfal. Li trabbi familja teħtieġ iktar minn sempliċi għotja finanzjarja talli ġġib it-tfal fid-dinja. Il-prezz tal-propjeta’ f’Malta sar eżorbitanti u magħhom anke s-self mill-banek. Dan eżempju wieħed biss li qed ixekkel bil-kbir li jkollna familji ikbar.
Il-baġit 2024 għalhekk hu bla soluzzjoni fi kull settur. Il-Gvern hu skjav tal-mudell ekonomiku ħażin li derra l-Poplu fl-aħħar 10 snin. Biex jikkoreġi l-finanzi tal-Gvern, irid bilfors ikompli jimbotta ekonomija tal-kwantita’ ħalli jdaħħal iktar, joħroġ iktar biex jipposponi milli jistaġna l-pajjiż malajr u jkompli jkabbar id-dejn Nazzjonali li jridu jagħmlu tajjeb għalih il-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan ifisser li l-ħaddiema Maltin u l-familji se jibqgħu sena oħra staġnati fit-traffiku u jridu jsaqqfu wiċċhom mal-inkonvenjenzi infrastrutturali li qed iġġib magħha ż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni. Apparti hekk, il-Gvern se jnaqqas l-ispiża kapitali, u l-Maltin se jibqgħu mingħajr investiment meħtieġ fil-qasam tas-saħħa, la sptar għas-saħħa mentali ġdid u lanqas investiment fl-isptar t’Għawdex. U iktar minn hekk mhux se jġib lura l-400 miljun ewro li taw lil Vitals u Steward ta’ xejn.
Jgħid x’jgħid il-Gvern, il-miżuri tax-xinxilli li jħabbar fil-baġit mhux se jsaħħu xejn minn dak li jixtiequ l-familji Maltin u Għawdxin. Il-ħaddiema u n-negozji talbu kwalita’ ta’ ħajja aħjar iżda minflok il-Gvern se jtihom biss dak li jaf: ekonomija tal-kwatita’ u iktar popolazzjoni.
//= $special ?>