Sirjan ta’ 35 sena allegatament trasferixxa maż-żewġ miljun ewro u nofs u kien jieħu bejn tlieta u tmienja fil-mija kull meta kien jitrasferixxi xi somma flus għal Sirjani oħra. It-trasferimenti saru lejn 13-il pajjiż differenti, l-aktar lejn is-Sirja, it-Turkija u l-Arabja Sawdija.
Dan ħareġ minn xhieda mogħtija quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li bdiet tisma l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-kofront ta’ Ebrahem Ahmad, Sirjan ta’ 35 sena, akkużat b’ħasil ta’ flus u li mexxa attività finanzjarja mingħajr liċenzja.
Ahmad kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ żewġ Sirjani oħra fl-20 ta’ Ottubru li għadda, fejn dawn kienu ġew akkużati b’reati aktar gravi li huma relatati ma’ terroriżmu fejn issemma l-grupp terrorostiku ISIS. Ahmad kien ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu kbir ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €80,000.
It-tnejn l-oħra nżammu taħt arrest preventiv. Quddiem l-istess Qorti kellha tibda wkoll il-kumpilazzjoni fuq reati ta’ terroriżmu fil-konfront ta’ Farhan Mohammed Sheikh ta’ 29 sena residenti l-Ħamrun u Abdullah Aliwi ta’ 23 sena, residenti Raħal Ġdid, li lkoll qed iwieġbu mhux ħatja.
Madankollu l-Maġistrat irrikużat ruħha wara li ġiet informata li f’dawn il-proċeduri se ssir referenza għall-ewwel parti tal-inkjesta, fejn hi kienet il-Maġistrat inkwirenti. Spettur mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, qal lill-Maġistrat Frendo Dimech li f’nofs April li għadda kien avviċinat mit-taqsima ta’ kontra t-terroriżmu biex jinvestiga attività finanzjarja li kienet għaddejja bejn grupp ta’ Sirjani li kienu qed ixerrdu materjal terroristiku.
Qal li mill-investigazzjoni rriżulta li l-akkużat imlaqqam bħala “the banker” kien iħaddem is-sistema ta’ hawwala. (li huwa metodu informali ta’ trasferiment ta’ flus mingħajr ma l-ebda flus fiżiċi fil-fatt jiċċaqilqu. Huwa deskritt bħala “trasferiment ta ‘flus mingħajr moviment ta’ flus.” Definizzjoni oħra hija sempliċement “fiduċja.” Hawala jintuża llum bħala channel alternattiv ta’ rimessa li jeżisti barra mis-sistemi bankarji tradizzjonali).
Ix-xhud sostna li f’inqas minn sentejn, allegatament trasferixxa maż-żewġ miljun ewro u nofs lejn 13-il pajjiż differenti. Mill-investigazzjoni rriżulta li l-akkużat kien reġistrat bħala self employed plasterer, kellu wkoll numru tas-sigurtà soċjali iżda qatt ma bbenefika minn benefiċċji soċjali. Hu kien jibgħat xi flus barra.
Il-Pulizija ġabu mandat biex jagħmlu tfittxija fejn kien jgħix. Ħabbtu u meta staqsew min hemm u identifkaw ruħhom bħala pulizija, iżda ma fetħux, reġgħu ħabbtu u baqgħu ma fetħux u mbagħad sfurzaw il-bieb ġewwa u daħlu.
Hemm sabu tliet irġiel, żewġ nisa u erbat itfal. Saret tfittxija fid-dar u f’numru ta’ vetturi minn fejn inġabru dokumenti u mobile phones.Waqt it-tfittxija fil-flat ġie nnotat mobile phone fix-shaft, ġabruh u mill-ewwel ġie nnotat screensaver ta’ iben iż-żgħir tal-akkużat li kien fuq il-post.
Eventwalment fl-istqarrijiet lill-pulizija ammetta li jħaddem sistema ta’ hawwala u li kien jiċċarġja miżata u jgħinu Sirjani oħra jsiefru minn post għal ieħor. Uffiċjal bankarju fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji xehed li l-akkużat ma kellux liċenzja biex jagħmel operazzjonijiet bankarji. Meta mistoqsi jekk biex wieħed iħaddem is-sistema ta’ ħawwala għandux bżonn liċenzja, ix-xhud wieġeb li qatt ma’ sema biha.
Lawrence Buhagiar rapreżentant tal-JobsPlus ippreżenta dokument bl-impjiegi li kellu l-akkużat Joe Debono rapreżentant tal-Kummissarju tat-Taxxi ippreżenta dokumenti tal-flus li ddikjara li qal u x’taxxi ħallas u dikjarazzjoni dwar il-VAT – li ma jħallas xejn għax ma jaqbiżx ‘threshold’ ta’ €30,000 u li ilu Malta ħames snin. L-avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco Refalo u Rebekah Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni, L-avukati Jose’ Herrera u Franco Debono assistew lill-akkużati.
//= $special ?>