L-aċċess ta’ Rafah bejn il-Medda ta’ Gaza u l-Eġittu nfetaħ għall-ewwel darba mindu Iżrael beda l-assedju fuq it-terroristi tal-Ħamas li, fil-preżent, għandhom numru sinifikanti ta’ moħbiet qalb il-poplu ta’ Gaza. Dan seta’ isir wara jiem ta’ medjazzjoni u meta jidher li l-Qatar kien strumentali għal din il-fażi ta’ impenn umanitarju,
Fl-aħħar sigħat, l-ambulanzi kienu qed iwasslu lir-residenti midruba ta’ Gaza lejn l-isptarijiet u ċ-ċentri mediċi fl-Eġittu, b’dan il-pass qed jitqies bħala żblokk li għandu jtaffi ftit mill-emerġenza umana li qed tiżviluppa f’Gaza.
Dan ukoll fi żmien meta l-Iżraeljani jinsabu għaddejjin b’ offensiva totali ( mill-ajru u mill-art) fuq it-terroristi u l-gruppi tal-ġiħadisti alleati magħhom.
Sa issa waslu l-Eġittu numru żgħir ta’ midruba li qed jingħataw l-ewwel priorità waqt dan l-eżodu ta’ fejda. Hu pjanat li madwar 100 Palestinjani midruba u mal-500 barranin – inklużi Britanniċi, Awstrijaċi, Ġappuniżi u Awstraljani– se jkunu jistgħu joħorġu minn Gaza dalwaqt wara li ilhom jgħixu ‘f’infern sħiħ’ għal ġimgħat.
Sadanittant, is-sitwazzjoni u l-moviment tan-nies ‘il barra minn Gaza baqgħu kumplikati, speċifikamenta għaliex it-territorju hu maqtugħ kompletament mis-servizzi ta’ komunikazzjoni inklużi tat-telefon u l-Internet.
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza – li hu mmexxi mill-Ħamas – fl-aħħar stqarrija qal li mietu ‘il fuq minn 9,000 Palestinjan mis-7 ta’Ottubru ‘il hawn u mindu l-qawwiet Iżraeljani bdew l-attakki u l-bumbardamenti fuq it-territorju.
L-attakki tal-Iżraeljani qed isiru bi tpattija għall-massakru ta’ 1,400 ċivili u suldati taħt idejn il-gruppi tal-Ħamas armati sa snienhom u li f’dak il-jum partikulari kienu invadew Iżrael u wettqu kampanja ta’ terrur mingħajr ħniena għal ħadd.
Intant, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, laqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim li qed jippermetti biex iċ-ċivili midruba jitwasslu bl-ambulanzi minn Gaza lejn l-Eġittu,
Ghebreyesus, qal, fi stqarrija fuq il-media soċjali, li l-WHO kienet qed taħdem u tippjana l-eżodu ta’ fejda flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa tal-Eġittu u meta l-pjan jesiġi għal aktar evakwazzjonijiet minn Gaza għal raġunijiet mediċi.
//= $special ?>