It-Tmexxija tal-Ukrajna ħabbret li l-qawwiet tar-Russja, fi spazju ta’ 24 siegħa, ibbumbardjaw ‘il fuq minn 100 lokalità – u fejn fl-istess ħin spikkaw l-akbar ammont ta’ attakki koordinati f’azzjoni waħda mill-bidu tas-sena.
Mindu invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022, il-qawwiet Russi sparaw il-miljuni tal-balal tal-artillerija lejn l-ibliet u l-villaġġi tal-Ukreni qrib iz-zoni tal-battalji u bir-riżultat li ħafna minn dawn l-ibliet spiċċaw ‘ċentri ta’ qerda assoluta’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ukren għall-Intern, Igor Klimenko, qal li ‘l-għedewwa (Russi), f’anqas minn jum, ibbumbardjaw mal-118-il lokalità f’għaxar reġjuni’.
Hu, imbagħad, ikkonferma li dan hu l-ogħla ammont ta’ bliet u villaġġi li ġarrbu sensiela ta’ attakki waqt perjodu partikulari mindu daħlu l-ewwel suldati Russi fl-Ukrajna.
L-attakki ħallew numru mhux determinat ta’ mejtin fir-reġjuni ta’ Kharkiv u Kherson u meta l-Ukrajna u l-Alleati tagħha qed jinkwetaw li r-Russja għandha tintensifika l-attakki fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna biex tiċħad lill-poplu Ukren mill-enerġija għal matul ix-xitwa. Dan b’ripetizzjoni tal-istrateġija li r-Russja kienet użat kontra l-Ukreni matul is-sena li għaddiet.
//= $special ?>