Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Finali bejn Mellieħa Libertas Spalding u Starlites JSD

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding……..100

Valletta Fighters………………………..80

(22-24)(29-14)(26-18)(23-24)

Mellieħa Libertas Spalding huma l-ewwel finalisti tal-John Tabone Shield wara li għelbu lil Valletta Fighters 100-80. Valletta, li kellhom lill-Amerikan De Sean Mattoxx ġej minn ġimgħa wieqaf mit-taħriġ bid-deni,  ippreżentaw xi uċuh ġodda f’din il-partita fejn żiedu magħhom lil players Neil Cassar, Peter Shoults, Sassoun Saakian u Matthew Farrugia. Mellieħa kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta għamlu 11 -il punt mingħajr risposta bi trippla ta’ David Bugeja flimkien ma’ Kwame Thompson, Tederick Wolfe u Isaac Bonett. L-ewwel punti ta’ Valletta ġew minn Cassar b’żewġ baskets qabel ma Mellieħa għamlu żewġ baskets oħra. Valletta għamlu tmien punti mingħajr risposta minn De Sean Mattox u trippla ta’ Keith Charleston u naqqsu d-distakk għal punt. Wara 5 punti oħra minn Mellieħa, Valletta kellhom run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Shoults biex temmew l-ewwel sessjoni 24-22 minn fuq. Mellieħa bdew it-tieni taqsima bħall-ewwel waħda bi 11 -il punt mingħajr risposta b’żewġ trippli ta’ Robert Bonnici u Corrado Mercurion. Din id-darba, Valletta damu biex irkupraw u Mellieħa komplew fost l-oħrajn bit-trippli ta’ Bonnici u Thompson flimkien mal-punti ta’ Vukassin Jandric u daħlu jistrieħu 51-38 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa komplew fejn ħallew u kellhom run ta’ 18-5 fejn Wolfe beda jinfed aktar lid-difiża avversarja fosthom b’offensive rebounds. Valletta kellhom risposta bi tlett baskets minn Cassar però pronta kienet ir-risposta ta’ Mellieħa bi trippla ta’ Bugeja f’run ta’ 9-0. Mattox wieġeb bi trippla għal Valletta però Mellieħa kienu 77-56 minn fuq. B’distakk ta’ 21 punt, l-aħħar taqsima kienet għat-telgħa għat-team ta’ Valletta u kompliet issir aktar diffiċli wara 6 punti oħra mingħajr risposta minn Mellieħa. Trippli minn Charleston u Lisondra raw lil Valletta inaqqsu d-distakk 89-73 pero Mellieħa serrħu rashom mir-riżultat bl-aħħar break ta’ 9-2 biex ħarġu rebbieħa 100-80.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 26, D. Bugeja 15, R. Bonnici 6, V. Jandric 13, I. Bonett 6, R. Carabott 4, K. Thompson 21, E. Valdespina 2, C. Mercurio 7.

Valletta Fighters: K. Charleston 30, R. Rutkauskas, S. Saakian, R. Curmi, D. Mattox 14, M. Farrugia, F. Lisondra 9, P. Shoults 8, U. Satayanorayon 2, N. Cassar 17, D. Militello.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Fiorentina Ciurariu

Starlites JSD……….99

Hibernians………….86

(17-26(22-18)(35-21)(25-21)

Se jkunu Starlites JSD il-finalisti tas-Shield f’ripetizzjoni tal-finali tas-Super Cup li fetħet l-istaġun. Starlites ikkonfermaw il-qawwa tagħhom speċjalment b’rimonta mill-aqwa li rathom jiġu lura minn distakk ta’ 19 -il punt fit-tieni taqsima. Il-players Maltin Alec Felice Pace u Kurt Xuereb kellhom wirja mill-aqwa fil-waqt li t-tlett players Amerikani qasmu bejniethom 45 punt. Hibs batew l-aktar mill-fast breaks tal-avversarji hekk kif Starlites għamlu 22 punt. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn Hibs kellhom it-trippli ta’ Calvin Whipple u Nikola Vasovic flimkien mal-punti ta’ Ivan Demcesen. Għal Starlites ukoll kien hemm żewġ trippli minn Xuereb u Felice Pace flimkien ma’ Davonte Craven. Hibs għaddew biex għamlu run ta’ 17-3 fejn kellhom ukoll il-punti ta’ Mason Hix flimkien ma’ trippla ta’ Matthew Attard biex temmew l-ewwel sessjoni 26-17 minn fuq. Hibs komplew bl-istess ritmu fil-ftuħ tat-tieni sessjoni fejn għamlu run ta’ 13-3 bi trippli ta’ Whipple u Hix biex ħadu vantaġġ massimu ta’ 19 -il punt 39-20. Dan id-distakk donnhu ġab f’tagħhom lil players ta’ Paul Ferrante għaliex hawn ic-champions bdew run ta’ 19-3 b’żewġ trippli minn Christian Hinckson flimkien ma’ Felice Pace, Louie Farrugia u Craven biex sal-intervall il-vantaġġ ta’ Hibs niżel għal 5 punti 44-39.

Fit-tielet taqsima, Hibs bdew b’żewġ baskets ta’ Demcesen biex reġgħu marru 9 minn fuq 48-39. Hawn però Starlites kellhom run oħra mill-aqwa ta’ 21-4 fejn kellhom tlett three pointers minn Hinckson, Felice Pace u Matt Attard biex marru 8 minn fuq 60-52. Hibs waqqfuhom bi tripppla minn Attard u basket ta’ Whipple però fuq in-naħa l-oħra, kien Matt Attard li għamel żewġ trippli oħra biex Starlites temmew it-taqsima 74-65 minn fuq. Hibs ippruvaw jirkupraw fil-bidu tal-aħħar sessjoni u waslu sa’ sitt punti ‘l bogħod qabel ma Starlites reġgħu ħasduhom bi break ieħor ta’ 8-2. Hibs wieġbu b’żewġ trippli konsekuttivi minn Whipple u Vasovic però Starlites għamlu run definittiva ta’ 10-2 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 14 -il punt 94-80 u ftit kien għad fadal ħin għal Hibs biex isalvaw il-partita biex Starlites qatgħu passaġġ għall-finali tal-Ħadd li ġej kontra Mellieħa fuq skor finali ta’ 99-86.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 23, C. Hinkson 20, M. Attard 11, S. Aquilina, I. Felice Pace 2, M. Fabri, D. Craven 17, L. Farrugia 2, K. Xuereb 16, N. Sultana, M. Lorquet 8.

Hibernians: C. Whipple 30, P. Attard, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 2, N. Vasovic 12, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard 7, M. Hix 16, I. Demcesen 19, S. Simic.

Referees: Bernard Vassallo, Artun Bayraktar, Julie Londono