Budget 2024 Lokali

Konferma oħra li l-Gvern ma jridx iġib l-€400 miljun lura

L-istqarrija tal-UĦM Voice of The Workers wara l-Budget kienet ċara; bħalissa, hawn ħafna pagi baxxi …tant li l-familji mhux ikollhom kwalità ta’ ħajja diċenti.

Minkejja dan, il-Ministru Michael Falzon stqarr li l-Union tista’ tgħid li trid …. filwaqt li stedinhom jistaqsu lill-pensjonanti.

Net News staqsa lill-Ministru Falzon dwar il-frodi tal-isptarijiet… fejn wera biċ-ċar li m’għandux idea ta’ x’servizzi taw bi preċiż Vitals u Steward.

Dan filwaqt li b’mod mill-aktar surreali faħħar l-investiment li għamel il-Gvern tal-Labour fil-qasam tas-saħħa. Iżda meta ffaċċjat bir-realtà tal-iżdingar li tħalla fih l-Isptar San Luqa…meta suppost kellu jsir investiment qawwi…Falzon sostna li jrid iħares ‘il quddiem.

Bħalissa, il-kundizzjonijiet fl-isptarijiet għall-istaff u l-pazjenti qed ikunu deskritti bħala prekarji. Iżda għal darb’oħra, Michael Falzon tenna li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna huwa tajjeb ħafna.

Ebda apoloġija, ebda umiltà, ebda responsabbiltà politika – l-unika ħaġa ċerta wara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell hija li l-Gvern Laburista kien f’kollużjoni ma’ Vitals u Steward – f’ħadma li l-poplu ħallas għalija butu minn €400,000,000 – mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li jidher li mhux ġejjin lura.